Internazzjonali

Guinea: Suldati-golpisti jikkonsolidaw il-poter

Is-sitwazzjoni fil-Guinea baqgħet inċerta għall-aħħar wara li grupp ta’ suldati, fi tmiem il-ġimgħa, keċċew lill-President Alpha Condé mill-poter, fost il-kundanna tan-Nazzjonijiet Uniti u pajjiżi oħra.

Intant, l-aħħar rapporti qalu li l-President Conde  qed jinżamm taħt arrest għalkemm ħadd ma kien jaf eżatt minn xiex kellu jgħaddi wara l-kolp ta’ stat.

Ir-rapporti komplew li s-suldati li ħatfu l-poter kienu qed iħeġġu biex il-membri tal-Kabinett jattendu ‘laqgħa speċjali’ — bis-suldati jwissu li huma ‘kellhom jikkunsidraw bħala ribelli lil kulmin kellu jinjora d-direttiva .

L-Unjoni Afrikana u l-entità reġjonali Ecowas ukoll ikkundannaw il-kolp ta’ stat fil-Guinea u sejħu biex il-pajjiż jirritorna għal Gvern ċivili. Min-naħa tiegħu, is-Segretarju-Ġenerali tan-NU, Antonio Guterres, qed isejjaħ għall-ħelsien immedjat tal-President Conde.

Wara diversi sparaturi fit-tul, it-toroq ta’ Conakry, il-belt kapitali tal-Guinea, qed jidhru kwieti — għalkemm għadu mhux ċar jekk dan il-kolp ta’ stat hux qed ikun appoġġjat mill-Armata sħiħa ta’ dan il-pajjiż.