Futbol Sport

Imut Jean-Pierre Adams, wara 39 sena f’coma

Imut l-eks player internazzjonali Franċiż, Jean-Pierre Adams wara 39 sena f’coma. Adams kien idaħħal l-isptar f’Marzu tal-1982 għal operazzjoni f’irkopptu, iżda wara komplikazzjonijiet waqt li kien qed jingħata l-loppju, Adams kien tpoġġa f’coma u qatt ma reġa ġie konxju.

Adams kien twieled fis-Senegal fejn lagħab 140 partita ma’ Nice u PSG. Adams lagħab ukoll 22 partita mat-tim nazzjonali Franċiż bejn l-1972 u l-1976. Hu lagħab ukoll 84 darba għal Nimes.

Fil-jum li kellha ssirlu l-operazzjoni, ħafna mit-tobba fl-isptar ta’ Lyon kienu fuq strike, bl-operazzjoni ssir xorta waħda bl-anestetista jkollu jlaħħaq tmien pazjenti. Adams kien qed ikun segwit minn infermier li kien għadu qed jistudja fejn ammetta li ma kienx ppreparat biżejjed.

Kawża ta’ dan, Adams sofra attakk tal-qalb u anke problemi f’moħħu b’konsegwenza li spiċċa f’coma.