Kumpanija li kienet tuża l-istess indirizz tal-Partit Laburista fasslet abbozz ta’ ‘Ftehim ta’ konsulenza li kellu jwassal biex tirċievi sa €200,000 mingħand is-sid ta’ 17 Black , Yorgen Fenech, f’dak li seta’ kien attentat biex jaħbi l-finanzjament ta’ Fench lill-Partit Laburista.
Rapport li ħareġ illum fit-Times jiżvela illi Yorgen Fenech kien irċieva abbozz ta’ konsulenza f’Mejju 2016 għal 33 xahar – abbozz li kien wasallu mingħand Gino Cauchi, f’isem kumpanija bl-isem BED Ltd. Cauchi dak iż-żmien kien il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista.

Fiż-żmien li kien qed jiġi abbozzat il-ftehim, BED Ltd – li twaqqfet f’Settembru 2014 – ma kellha l-ebda konnesjoni viżibbli immedjata mal-Lejber.
Il-ftehim mibgħut lil Yorgen Fenech mill-Kap Ezekuttiv tal-Lejber jindika li ssawwar fuq kompjuter użat minn uffiċjal ta’ ONE Productions. It-Times tindika li dan il-ftehim ta’ konsulenza ġie mfassal intenzjonalment biex iħallas għar-riċerka tal-marketing u konsulenza dwar konferenzi, grafika diġitali u produzzjonijiet awdjo-vizivi u tqegħid ta’ riklami li jsiru minn BED Ltd għal Tumas Group. Fl-abbozz tal-ftehim ma saret l-ebda referenza għar-rati ta’ ħlasijiet. Minflok, it-termini maqbula kienu jfissru li Fenech iħallas BED Ltd ‘flate rate’ ta’ €6000 fix-xahar biex jaġixxi bħala konsultent għal Tumas Group.

Mhux magħruf eżatt jekk dan il-ftehim daħalx fis-seħħ. Madankollu Times of Malta taf b’mill-inqas zewġ invoices għal servizzi ta’ konsulenza mibgħuta minn BED Ltd lil Fenech fl-2018. F’dik l-istess sena, l-indirizz irreġistrat ta’ BED Ltd kien trasferit għall-kumpless ta’ ONE Production fil-Marsa.
L-invoices mibgħuta lil Fenech saru fuq dak l-istess indirizz tal-Marsa.
Brand Expo Design fil-qosor BED Ltd, twaqqfet f’Diċembru 2020 minn ONE Productions.
Mistoqsi mill-ġurnal Times of Malta, Ray Fenech Direttur tat-Tumas Group, qal, li ma setgħux jittraċċaw dan il-ftehim. Madankollu Fenech qal li BED Ltd intużat għal servizzi minn Tumas Group.
Mistoqsi jekk dan kienx tentattiv biex jigi ffinanzjat il-Partit Laburista mingħajr ma jiġu skattati regoli ta’ żvelar taħt il-liġijiet dwar il-finanzjament tal-partiti, Ray Fenech wieġeb li m’humiex konxji ta’ dawn l-affermazzjonijiet.
Sorsi qalu li matul l-arrest ta’ Yorgen Fenech, f’Novembru 2019, jindika Ray Fenech kien qed jibda jissuspetta dwar l-attivitajiet tan-neputi tiegħu.