Lokali

Lejla ta’ tifkira ta’ Jum il-Vitorja

Bħal ma jsir ta’ kull sena, Jum il-Vitorja, li tkun iċċelebrata fit-8 ta’ Settembru, tfakkret b’serata kommemorattiva quddiem il-monument fi Pjazza L-Assedju l-Kbir, fil-Belt Valletta. F’dan il-jum titfakkar kemm ir-rebħa tal-Maltin u l-Ordni ta’ San Ġwann fl-Assedju l-Kbir tal-1565, magħruf bħala fost l-aktar imdemmija li qatt seħħew, kif ukoll it-tmiem tal-assedju fuq Malta fit-Tieni Gwerra Dinjija. Il-Banda tal-Forzi Armati, fetħet u għalqet is-serata bl-innu Malti.

Għal din l-okkażjoni, id-diskors kommemorattiv sar min-Nutar Myriam Spiteri Debono, li kienet l-ewwel, u s’issa l-unika Speaker femminili tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Fid-diskors tagħha Spiteri Debono tkellmet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fejn fakkret li dan l-assassinju kien marbut max-xogħol investigattiv tagħha fejn saħqet dwar l-importanza tar-raba pilastru tad-demokrizija. In-nutar qalet li l-mewt tal-ġurnalista xegħel ħafna bozoz ħomor ta’ twissija u appellat għall-għaqda biex jitwettqu t-tibdiliet neċessarji u biex ħadd ma jintilef fil-botti partiġġjani biex jiskurja punti politiċi li jwasslu għal rebħiet bla sugu li jwasslu għall-firda. Dan id-diskors kommemorattiv ilu jsir sa mis-sena 1927 meta dakinhar kien tkellem Dun Karm Psaila.

Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, il-Prim Ministru, l-Aġent Speaker Claudette Buttigieg, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino, l-eks Prim Ministru u eks Speaker Lawrence Gonzi, deputati u diversi mistiedna distinti oħrajn. Fl-aħħar taċ-ċerimonja tpoġġew kuruni ta’ fjuri mill-awtoritajiet fosthom mill-Kap tal-PN Bernard Grech f’isem l-Oppożizzjoni u mis-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino f’isem il-PN.