Lokali

“Ras il-qarnita tal-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus qiegħda propju fil-kwartieri Laburista” – PN

Partit Laburista ‘best practice’ għall-ħasil tal-flus

L-istorja tal-lum fit-Times of Malta li tiżvela kif il-Partit Laburista qed idaħħal 200,000 euro mingħand Yorgen Fenech turi kif il-Partit Laburista huwa effettivament ‘il fuq mil-liġi u jista’ jitqies bħal ‘best practice’ għal min irid jaħsel flus maħmuġin u jaħbi flejjes għaddejjin mingħand interessi kummerċjali jew kriminali għand il-politiċi.

Dan huwa l-eżatt kuntrarju ta’ dak li tirrakkomanda l-inkjesta tal-imħallfin dwar l-impunita’ li ħoloq il-Gvern Laburista li Robert Abela qal li jaċċettha u li jrid, attaparsi, jimplimenta.

Ser ikun il-Ministru tal-Ġustizzja li kien qed jieħu l-istruzzjoni ta’ Yorgen Fenech waqt dibattitu fuq 17-black li jassigura li l-Gvern jimplimenta l-penali tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti għal ftehim bħal dan?

Propju waqt li mijiet ta’ professjonisti u ħaddiema f’pajjiżna qed iħallsu l-prezz għoli ferm tal-Grey-listing, b’mijiet ta’ kumpanniji jikkunsidraw down-sizing jew tkeċċija ta’ ħaddiema, il-Partit Laburista inkixef li huwa stess qed jirrikorri għal ħasil tal-flus bl-aktar mod oxxen.

Kif jista’ qatt l-FATF jew il-komunitá internazzjonali tagħti xi tip ta’ kunsiderazzjoni lil Robert Abela meta dan imexxi partit li ried idaħħal €200,000 baxx baxx mingħand Yorgen Fenech bl-użu ta’ qoxra wara oħra orkestrati min nies imdaħħlin fit-tmexxija tal-Partit Laburista u fl-għoti tal-kuntratti multi miljunarji bħal tal-vitals.

Il-qarnita tal-korruzzjoni kollha ġo pajjiżna qegħda fil-kwartieri laburista mmexxija minn Robert Abela. Il-Partit Laburista għandu issa, hekk kif ninsabu fuq l-għatba ta’ elezzjoni ġenerali, jiddikjara jekk għandux arranġamenti oħra bħal dawn ma’ benefatturi oħra bħal Sadeen li tawh artijiet seafront fiż-Żonqor jew Ram Tumuluri li tawh tliet sptarijiet bid-deal ta’ aktar minn biljun euro.

Il-Partit Nazzjonalista mhux ser jittollera dan l-istat ta’ impunitá li jrid il-labour għax il-poplu jaf li l-korruzzjoni bla qies ser iddaħħalna ġo ħajt u ġa bdiet tagħmel dan bil-greylisting.

Għaldaqstant, f’isem il-poplu Malti kollu, inkluż il-ħafna Laburisti ġenwini li huma ddiżgustati bid-degredazzjoni morali tal-Partit Laburista, il-PN ser ikun qed jikkunsidra l-azzjonijiet kollha possibbli kemm fuq livell legali kif ukoll fil-Parlament.

Ċaħda li ma tfisser xejn

Bħalma ċaħdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama eżatt wara li ġew eletti fl-2013, il-Partit Laburista llum ċaħad li qed jirċievi flus mingħand Yorgen Fenech.

Iżda l-Partit Laburista ma ċaħadx li fassal sistema biex jirċievi €200,000 mingħand Yorgen Fenech, wara li tah power station fi ftehim korrott li ħalla lill-konsumaturi agħar.

L-esponenti tal-Partit Laburista spiss iddikjaraw li bilkemm jafu lil Yorgen Fenech, iżda darba wara l-oħra nqabdu li kienu qed jigdbu. Fil-fatt, jidher li l-partit kollu kien fis-sodda miegħu.

Għal darb’oħra, iċ-ċaħda tagħhom ma tfisser xejn u l-attentat tagħhom biex jitfgħu l-attenzjoni  fuq il-Partit Nazzjonalista huwa patetiku.