Fl-aħħar 24 siegħa kellna vittma oħra kaġun tal-Covid-19 – raġel ta’ 77 sena – bl-għadd tal-vittmi tal-Covid jitla’ għal 445.
Dan ifisser li fl-aħħar disa’ t’ijiem, pajjiżna kellu sitt vittmi kawża tal-virus, filwaqt li mhux magħruf jekk il-vittmi kinux rikoverati fi sptar.
Bħalissa fl-Isptar Mater Dei hemm total ta’ 29 pazjent li huma pożittivi għall-Covid-19, bl-għadd ta’ persuni fit-Taqsima tal-Kura Intensiva jibqa’ tnejn.
Sadanittant, fl-aħħar sigħat instabu 37 persuna pożittiva għall-virus, filwaqt li 49 persuna huma meqjusin bħala mfejqa, minkejja li swab test ġimagħtejn wara li persuna tkun irriżultat pożittiv, m’għadux obbligatorju.
Fid-dawl ta’ dan, il-każi attivi huma ta’ 710, hekk kif it-total ta’ każi pożittivi mill-bidu tal-pandemija hu 36,512, filwaqt li dawk meqjusin bħala mfejqa issa jammontaw għal 34,961.
Intant mill-bidu ta’ din il-ġimgħa bdew jingħataw il-boosters tal-vaċċin fid-djar tal-anzjani. Fi stqarrija ntqal li se jkunu qed jingħataw madwar 500 tilqima kuljum lil dawk l-anzjani li jgħixu fid-Djar tal-Anzjani, kif ukoll lil dawk li huma residenti f’San Vinċenz de Paul.
//= $special ?>