Ir-reputazzjoni ddum snin biex tinbena, iżda titlifha fi ftit sekondi.
Illum meta tara kif ċertu istituzzjoni finanzjarji tħallew jagħmlu transazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus lejn pajjiżi bħall-Ażerbajġan, dan huwa ta’ tħassib kbir.
Hekk saħaq l-editorjal tal-Malta Independent dwar dak li seħħ il-ġimgħa li għaddiet b’rabta mal-bank Pilatus, hekk kif ħames snin wara li Daphne Caruana Galizia kienet irrapportat l-ewwel darba dwar suspetti ta’ ħasil ta’ flus minn dan il-bank, b’allegat involviment ta’ membri għolja fl-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat, kien biss issa li tressqu persuni l-Qorti.
Il-bank Pilatus kien ingħalaq meta l-liċenzja tiegħu ġiet irtirata mill-Bank Ċentrali Ewropew f’Novembru tal-2018, wara l-arrest tal-fundatur tal-bank Ali Sadr fl-Istati Uniti.
L-Independent tgħid illi ma jistax ikun li wieħed ma jindunax kif kien hemm nuqqas ta’ kredenzjali min-naħa tat-tmexxija tal-Bank Pilatus, u xorta waħda l-liċenzja kienet ingħatat – liċenzja li ħarġet fi żmien l-amministrazzjoni Laburista.
L-editur kompla billi fakkar kif l-eks Ministru Edward Scicluna, il-persuna li llum hu l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, kien responsabbli biex jara jekk ċertu istituzzjonijiet jiftħux Malta jew le u għalkemm m’għadux Ministru tal-Finanzi, il-ħsara kbira għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna diġà saret.
//= $special ?>