Internazzjonali

Afganistan: Il-poplu jħares lejn il-futur taħt Gvern proviżorju tat-Taliban

Il-militanti Iżlamiċi tat-Taliban li jiem ilu ħatfu kontroll fl-Afganistan wara nuqqas ta’ 20 sena, ħabbru li l-pajjiż, illum, sar ‘Emirat Iżlamiku’ filwaqt li ħabbru wkoll Gvern ġdid proviżorju f’Kabul.

Il-Gvern qed jitmexxa minn Mullah Mohammad Hassan Akhund, wieħed mill-fundaturi tat-Taliban, waqt li l-Ministru tal-Intern se jkun Sarajuddin Haqqani,  il-Kap tal-grupp militanti ta’ Haqqani, li hu mfittex mill-FBI tal-Istati Uniti.

Il-grupp Haqqani hu affiljat mat-Talibani u kien responsabbli minn uħud mill-aktar attakki mdemmija tul l-20 sena ta’ gwerra fl-Afganistan. Dan meta n-network estremista ta’ Haqqani hu dikjarat bħala organizzazzjoni terroristika mill-Istati Uniti.

Intant, il-pass lejn il-Kabinett proviżorju f’Kabul jibqa’ wieħed importanti lejn il-formazzjoni ta’ Gvern Talibani għas-snin li ġejjin.

Ħatriet oħra fil-Gvern attwali tat-Taliban huma ta’  Mullah Yaqoob bħala Ministru tad-Difiża proviżorju, flimkien ma’  Amir Khan Muttaqi bħala l-aġent Ministru għall-Affarijiet Barranin. Dan meta Mullah Abdul Ghani Baradar, ko-fundatur tat-Taliban and Mullah Abdul Salam Hanafi ukoll se jkollhom rwoli ta’ tmexxija prominenti f’Kabul.