Lokali

Bosta suġġerimenti fuq is-sit kunilbidla.com

L-ambjent, it-traffiku, l-edukazzjoni, il-pagi, l-enerġija, l-iskart, il-faqar,  il-pensjonijiet, l-ispazji miftuħa, l-investiment fl-isport, u t-trasport pubbliku huma biss ftit mit-temi li ssemmew fis-sezzjoni tas-suġġerimenti fuq is-sit kunilbidla.com… is-sit li nfetaħ ftit tal-jiem ilu mill-Partit Nazzjonalista bil-għan li jagħti pjattaforma lil min verament irid jara bidla pożittiva f’pajjiżna.

Diversi kienu dawk li kitbu dwar il-ħtieġa ta’ pagi aħjar hekk kif il-prezzijiet qegħdin jgħolew fuq għadd kbir ta’ affarijiiet bażiċi. Argumenti simili saru dwar il-pensjonijiet, meta l-anzjani qegħdin isibuha dejjem aktar diffiċili ilaħħqu bil-pensjonijiet tagħhom waqt li x-xirjiet u l-bżonnijiet tagħhom, inkluż il-mediċini, qegħdin kull ma jmur jgħolew. Sar ukoll suġġeriment sabiex min għandu pensjoni privata jkun jista’ jieħu l-pensjoni tal-Gvern sħiħa.

L-ambjent u l-ħarsien tiegħu u l-ħtieġa ta’ aktar spazji miftuħa kienu temi li wkoll sabu posthom f’din it-taqsima. Fost is-suġġerimenti hemm li jitħarsu aktar il-widien u ż-żoni rurali, li jsir tindif aktar ta’ spiss ta’ dawn il-postijiet, filwaqt li jinħolqu aktar spazji miftuħa li joffru opportunità ta’ rilassament għall-Maltin u l-Għawdin. Spazji bħal dawn jgħinu anke fil-ħarsien tas-saħħa mentali tal-individwi.

Il-ġbir tal-iskart issemma’ wkoll, b’kummenti dwar kif is-sistema mhix titħaddem kif suppost, u kif għandu jkun hemm monitoraġġ biex ikun assigurat li l-ġbir isir tajjeb.

Issemma’ l-bżonn ta’ investiment f’sistema ta’ trasport pubbliku effettiva u li tista’ tgħin jitnaqqas it-traffiku fit-toroq tagħna, kif ukoll il-bżonn ta’ investimenti fil-qasam edukattiv u dak sportiv, f’dak ta’ diżabbilta’ u fis-saħħa fost l-oħrajn.

Il-Partit Nazzjonalista qed jilqa’ dawn il-proposti u jwaħħadhom ma’ dawk li diġa’ tfasslu mill-clusters sabiex verament ikun jista’ joffri politika minn nies għan-nies u li tkun tirriffletti dak li jixtiequ l-Maltin u l-Għawdxin tal-lum.

Kull min irid ikun parti mill-bidla jista’ jagħmel il-proposti tiegħu hawn.