Lokali

Delegazzjoni tal-PN f’laqgħa mal-għaqda Rota

Il-Partit Nazzjonalista qed ikompli bil-laqgħat tiegħu fil-proċess tat-twettieq tal-politika tiegħu.

Fl-aħħar mis-sensiela ta’ laqgħat, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech mexxa delegazzjoni f’laqgħa mal-għaqda Rota, li tippromwovi l-użu tar-roti fit-toroq Maltin u Għawdxin.

Akkumpanjat mill-President tal-Eżekuttiv tal-PN Joseph Grech u miċ-Chairman ta’ TeamSport PN Christian Micallef, Bernard Grech qal li l-Partit immexxi minnu qed jara li joħloq il-policies wara d-diskussjonijiet mal-stakeholders kollha.

Hu qal li hemm bżonn li tinħoloq aktar kuxjenza dwar l-importanza ta’ mezzi alternattivi, bħar-roti, iżda anke li pajjiżna jkollu l-infrastruttura meħtieġa għal dan l-għan. Dan anke fid-dawl tal-importanza li r-roti għandhom b’risq is-saħħa fiżika.

Min-naħa tagħhom, ir-rappreżentanti ta’ Rota qalu li huma għandhom kuntatt dirett ma’ aktar minn 5,000 ċiklist li jsegwu lill-għaqda fuq il-mezzi soċjali, b’120 minnhom huma membri diretti.

Huma tennew l-importanza li tkun promossa l-bidla fil-kultura u b’hekk, grazzi għall-mezzi soċjali, dawn ikunu jistgħu jappoġġjaw l-ideat ta’ xulxin. Dan fost id-diversi benefiċċji oħrajn li jaraw fiċ-ċikliżmu, bħal dawk ambjentali, u fis-saħħa mentali.

Dan hekk kif qalu li jinnutaw kif ir-rota tbaxxi l-ansjetà li wieħed jiffaċċja kawża tat-traffiku bil-karozzi.