Lokali Qorti

€8,000 multa wara li ammetta li żamm klieb bla ikel, xorb u marbutin


Raġel ta’ 41 sena, residenti l-Qrendi ġie immultat €8,000 wara li ammetta li żamm klieb fi stat ħażin fejn kien jorbothom u ma jagħtihomx jieklu u jixorbu. Huwa ammetta li wettaq dan ir-reat fis-6 ta’ Jannar 2020 u fil-ġranet u xhur ta’ qabel f’razzett ġewwa Ħaż-Żebbuġ.

Sergio Borg ammetta quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li ġiegħel klieb isofru meta abbandunahom u naqas li jieħu ħsiebhom. Huwa spiċċa l-Qorti wara spezzjoni li saret fir-razzett mill-uffiċjali tal-Animal Welfare bir-raġel jammetti mill-ewwel.

Fil-fatt Borg qal li kien ħalla l-annimali bla ikel u ilma, fi stat maħmuġ u ġieli marbutin għal ġimgħat sħaħ. Dan ġara wara li kien għamel perjodu twil milli jmur fir-razzett. Il-Qorti qalet li ‘dan huwa komportament li mhuwiex aċċettabbli minn ħadd, iktar u iktar meta persuna tkun għażlet li trabbi annimal”, żiedet tgħid, il-Maġistrtat.

Il-Qorti qalet ukoll li l-imputat għaraf u apprezza li dak li kien qed jiġri lill-annimali in kwistjoni bin-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu, iżda huwa ma għamel assolutament xejn, lanqas il-minimu u s-sempliċi possibbli, biex jneħħi lill-annimali mill-istat diffikultuż li kienu fih.

Anzi għall-kuntrarju huwa ħalla li dawn l-annimali bla ikel, ilma u ambjenti nodfa u kontinwament marbuta għal ġimgħat jekk mhux għal xhur sħaħ. L-istat li kienu fih l-annimali in kwistjoni u l-istat li kien fih il-post fejn kienu qed jinżammu juru biċ-ċar li kienu ilu żmien twil ħafna ma jersaq ‘l hemm u jagħtihom x’jieklu u jixorbu, jagħtihom l-eżerċizzju li għandhom bżonn u jnaddfilhom l-ambjenti li kienu fihom.

Il-Qorti kompliet tgħid li dan huwa komprtament li ma huwiex aċċettabbli minn ħadd, L-annimali in kwistjoni tħallew għal riħom f’dan l-istat, liema stat kien aggravat bil-fatt li kienu marbuta jew magħluqa bil-konsegwenza li lanqas setgħu jippruvaw ifendu, sa’ fejn setgħu, għal rashom. Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Kylie Borg.

Ikkummenta