F’Jannar ta’ din is-sena, il-Prim Ministru Robert Abela, f’diskors dwar l-ekonomija ta’ pajjiżna ftaħar li f’Marzu “se nitilqu niġru”.
Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Finanzi Mario de Marco stqarr li llum, skont ċifri ppubblikat mill-aġenzija Ewropea tal-istatistika, il-Eurostat, irriżulta li Malta kienet fost l-uniċi żewġ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fejn l-ekonomija ċkienet fit-tieni kwart tas-sena, jiġifieri bejn April u Ġunju. Malta kellha l-akbar tnaqqis, dak ta’ 0.5%, filwaqt li l-Kroazja rat l-ekonomija tiċkien b’mod marġinali ta’ 0.2%.
Bosta pajjiżi żgħar madwar il-kontinent kellhom tkabbir ferm b’saħħtu. L-Irlanda kellha tkabbir ta’ 6.3%, il-Portugall 4.9%, il-Latvja 4.4% u l-Estonja 4.3%. B’mod komplessiv, l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea kellha tkabbir ta’ 2.1%.
Il-fatt li l-ekonomija Maltija ċkienet fit-tieni kwart tas-sena huwa aktar ta’ tħassib meta wieħed iżomm f’moħħu li fl-ewwel xhur tas-sena l-Gvern kabbar d-defiċit ta’ pajjiżna f’livelli rekord u d-dejn pubbliku rreġistra fost l-akbar żidiet fl-Unjoni Ewropea. Dan huwa konferma tal-ineffiċjenza u l-kompetenza fit-tmexxija ekonomika u finanzjarja ta’ pajjiżna, minn Gvern li sena wara l-oħra naqas li jattira lejn pajjiżna setturi ekonomiċi ġodda u anzi kompla nawwar il-fiduċja tal-investituri f’pajjiżna b’deċiżjonijiet li wasslu għall-grey-listing ta’ pajjiżna.
Dan qed iwassal ukoll biex flok il-Gvern qiegħed all hands on deck għaddej jaħdem fuq kif se jixpruna l-ekonomija post-pandemija ta’ pajjiżna, jinsab mehdi jara kif se jneħħi minn pajjiżna l-mażżra tal-grey-listing li kkawża huwa stess, għad-detriment tal-familji Maltin u Għawdxin.
Din hi konferma tal-bżonn ta’ bidla favur tmexxija bilgħaqal ta’ pajjiżna.
//= $special ?>