Internazzjonali

Il-Guinea: l-Kap tal-Oppożizzjoni favur il-kolp ta’ stat

Il-Kap ewlieni tal-Oppożizzjoni qed jappoġġja t-tkeċċija ta’ Alpha Conde minn President tal-Guinea u fejn fisser il-kolp ta’ stat ta’ jiem ilu bħala ‘opportunità biex il-pajjiż ikollu bidu ġdid’. Fl-istess ħin, Cellou Dalein Diallo tenna li l-Armata – li l-membri tiegħu mexxew dan il-kolp – wettqet ‘pass storiku li kkonkluda ġlieda mibdija mill-gruppi favur id-demokrazija’.

Il-kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni kienu konfermati wara li n-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Afrikana u l-entità reġjonali Ecowas ikkundannaw il-kolp ta’ stat u  ħeġġew ‘għar-rispett tal-mandat kostituzzjonali fil-Guinea’. Intant, Cellou Dalein Diallo appella lill-Armata tal-Guinea biex taċċerta mir-rikonċiljazzjoni nazzjonali matul il-jiem li jmiss.

In-NU u l-Unjoni Afrikana sal-bieraħ kienu qed iħeġġu għall-ħelsien tal-President Conde li deher l-aħħar nhar il-Ħadd waqt li kien iċċirkondat mill-qawwiet speċjali tal-Armata. Min-naħa tiegħu, il-Kurunell Mamady Doumbouya, li mexxa l-kolp ta’ stat, qal li l-President imkeċċi ‘għadu qawwi u sħiħ’ u qed jinżamm taħt arrest.

Cellou Dalein Diallo kien l-isfidant ewlieni tal-President waqt l-elezzjoni tas-sena l-oħra fil-Guinea u fejn Alpha Conde kien ħa d-deċiżjoni kontroversjali biex jikkuntesta għal tielet mandat ta’ poter.