Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ t-tħabbir anke jekk tard tal-protokolli tas-saħħa għall-ftuħ tal-iskejjel.
L-Oppożizzjoni tinnota li tibdiliet tant minimi u bażiċi fil-protokolli setgħu tħabbru aktar kmieni biex jaqtgħu l-inċertezza fost l-istudenti u l-ġenituri u biex jagħtu biżżejjed ħin lill-edukaturi jippreparaw mingħajr stress żejjed. Kien għalhekk l-appell tagħna ħmistax ilu.
Il-PN qal li bi 80% tal-popolazzjoni diġa mlaqqma kontra l-Covid, bit-tħabbir li lħaqna l-herd immunity ġimgħat ilu u bit-tnaqqis tal-miżuri f’diversi setturi, wieħed kien qed jistenna li jiġi kkonfermat qabel li l-istudenti jistgħu jmorru lura għal edukazzjoni aktar ħolistika li ma teskludix l-esperjenza soċjali kif ukoll suġġetti bħall-Edukazzjoni Fiżika, ħidma fil-laboratorji u field work. Dan filwaqt li jinżammu miżuri ta’ prekawzjoni, qal il-PN.
Fi stqarrija, il-Kelliem tal-PN għall-Edukazzjoni Clyde Puli fakkar kif sa dalgħodu ħafna edukaturi kienu jilmentaw għax għadhom fil-għama fuq is-sena skolastika li tibda dan ix-xahar. B’uħud minnhom mhux ċerti x’se jgħallmu u fejn se jgħallmu din is-sena. Dan jinkludi teachers peripathetic u LSEs. Il-Partit Nazzjonalista jappella biex jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet pendenti kemm jista jkun malajr.
L-Oppożizzjoni tappella wkoll biex l-istudenti vulnerabbli jirċievu l-appoġġ kollu neċessarju biex ikunu integrati b’mod sigur fis-sistema. L-Oppożizzjoni tappella wkoll biex dawk l-istudenti li ma attendewx l-iskola s-sena l-oħra jiksbu l-għajnuna meħtieġa biex ikomplu l-edukazzjoni tagħhom kif jixraq mingħajr xkiel u b’suċċess.
//= $special ?>