Lokali

Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech inaddaf il-politika mill-ħmieġ li daħħalna fih il-Partit Laburista

Il-Partit Nazzjonalista għandu l-obbligu morali u politiku li joħroġ lil Malta mill-ispirall ta’ degradazzjoni morali li daħħalha fih il-Partit Laburista. Gvern ġdid Nazzjonalista jara li l-liġi tapplika għal kollox u għal kulħadd u jnaddaf il-politika mill-ħmieġ li daħħalha fiha l-Partit Laburista.

Dan qaluh f’ konferenza tal-aħbarijiet Mark Anthony Sammut, kandidat għall-elezzjoni ġenerali u President tal-Kunsill Ġenerali u Charles Azzopardi, kandidat tal-Partit Nazzjonalista.

Rapport li ħareġ il-bierah fit-Times filfatt jiżvela li kumpanija li kienet tuża l-istess indirizz tal-Partit Laburista fasslet abbozz ta’ ‘ftehim’ ta’ konsulenza li kellu jwassal biex tirċievi sa €200,000 mingħand is-sid ta’ 17 Black , Yorgen Fenech, f’attentat biex jaħbi l-finanzjament ta’ Fenech lill-Partit Laburista.

Il-Partit Laburista sal-lum jibqa’ ma jinnegax li għaddew l-invoices imsemmija fir-rappurtaġġ. Dan juri li ras il-qarnita tal-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus qegħda propju fil-kwartieri Laburista. Il-Partit Laburista huwa effettivament ‘best practice’ għall-ħasil tal-flus.

Dan huwa l-eżatt kuntrarju ta’ dak li tirrakkomanda l-inkjesta tal-imħallfin dwar l-impunitá li ħoloq il-Gvern Laburista li Robert Abela qal li jaċċetta u li jrid, attaparsi, jimplimenta. Ta min isaqsi – ser ikun il-Ministru tal-Ġustizzja li kien qed jieħu l-istruzzjoni ta’ Yorgen Fenech bil-Whatsapp waqt dibattitu fuq 17Black li jassigura li l-Gvern jimplimenta l-penali tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti għal ftehim bħal dan?

Propju waqt li mijiet ta’ professjonisti u ħaddiema f’pajjiżna qed iħallsu l-prezz għoli ferm tal-Greylisting, b’mijiet ta’ kumpaniji jikkunsidraw down-sizing jew tkeċċija ta’ ħaddiema, il-Partit Laburista inkixef li huwa stess qed jirrikorri għal ħasil tal-flus bl-aktar mod oxxen. Kif jista’ qatt l-FATF jew il-komunitá internazzjonali tagħti xi tip ta’ kunsiderazzjoni lil Robert Abela meta dan imexxi partit li ried idaħħal €200,000 baxx baxx mingħand Yorgen Fenech bl-użu ta’ qoxra wara oħra orkestrati min nies imdaħħlin fit-tmexxija tal-Partit Laburista u fl-għoti tal-kuntratti multi miljunarji bħal tal-vitals.

Il-Partit Nazzjonalista mhux ser jittollera dan l-istat ta’ impunitá li jrid il-labour għax il-poplu jaf li l-korruzzjoni bla qies ser iddaħħalna ġol ħajt u ġa bdiet tagħmel dan bil-greylisting. Għaldaqstant, f’isem il-poplu Malti kollu, inkluż il-ħafna Laburisti ġenwini li huma ddiżgustati bid-degradazzjoni morali tal-Partit Laburista, il-PN irid ikun il-gvern ġdid li jnaddaf lil Malta minn din il-qarnita ta’ korruzzjoni.

Għal darb’ohra ħareġ aktar ċar u fid-deher, il-ħbiberija mill-qrib u intima bejn Yorgen Fenech sid 17 Black u l-Partit Laburista fil-Gvern. Mhux talli l-Gvern preżenti mhux qieghed jara li l-korruzzjoni f’pajjizna tiġi skartata talli huwa, hu nnifsu ‘best practice’ għall-ħasil ta’ flus. Il-kumpanija bl-isem ta’ BED Ltd li kienet tuża l-istess indirizz tal-Partit Laburista fasslet abbozz ta’ ftehim ta’ konsulenza sa €200,000 mingħand sit 17 Black bi flat rate ta’ €6,000 fix-xahar għal perjodu ta’ 33 xahar, f’Mejju 2016.

Dan ser ikompli, b’dispjaċir, jagħti daqqa ta’ ħarta oħra lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u lill-Governanza tajba. Dan sejjer ikompli jirriafferma d-deċiżjoni tal-FATF u tal-komunita’ internazzjonali li Malta tkompli titpoġġa fuq il-lista l-griża għal bosta raġunijiet. Dan huwa ritratt ċar ta’ degredazzjoni morali tal-Partit Laburista, li qiegħed ikompli jħalli lill-poplu Malti jitlef il-fiduċja fih inkluż ta’ ħafna Laburisti ġenwini li kienu jemmnu li pajjiżna kellu jkun fl-aqwa żmien.

Wara l-konferenza tal-aħbarijiet, iż-żewġ kelliema marru d-Depot biex jitolbu lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet.