Futbol Sport

Iż-żagħżagħ Russi b’saħħithom wisq għal Maltin

(Ritratt: Stephen Gatt)

RUSSJA …………..6

MALTA ……………..0

Russja: M.Borisko, D.Khlusevich (N. Iosifov), K.Bozehnov, R.Litvinov, K.Maradishvili (M. Ignatov), D.Prokhin, D.Prutsev (K .Kravtsov), E.Sevikyan (V. Karapuzov), D.Stepanov, N.Umyarov, H.Agalarov (K. Klimov)

Malta: C.Formosa, A.Attard (J. Attard), J.Carbone (J. Sixsmith), M.Ellul, J.Engerer, A.Garzia (A. Vella), M.Grima, C.Lonardello, K.Mohnani, A.Magri Overand, B.Sciberras (J. Micallef)

Referee: A.Kuchin

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena kien megħlub 6-0 mir-Russja f’partita mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej tal-2023. Il-Maltin kienu għadhom ġejjin minn rebħa ta’ 4-1 fuq l-Irlanda ta’ Fuq qabel din il-partita iżda d-differenza bejn iż-żewġ timijiet kienet evidenti tul il-partita.

Għal din il-partita, il-kowċ Gilbert Agius għażel li jagħmel xi tibdiliet hekk kif fost l-oħrajn għażel li jibda bl-attakkant Jamie Carbone minflok Mattia Veselji. Ir-Russja li pruvaw jiskorjaw kemm jista’ jkun kmieni fil-partita, għamlu dan wara seba’ minuti meta Ruslan Litvinov għadda pass tajjeb lejn Daniil Khlusevich li b’xutt b’saħħtu għeleb lil Cain Formosa.

Ir-Russi rdoppjaw fl-14-il minuta, meta minn cross fil-baxx ta’ Gamid Agalarov, kien għal darb’oħra Khlusevich li għamilhom 2-0, biex ftit minuti wara Agalarov għamel l-iskor 3-0 meta kkonkluda fuq cross ta’ Sevikjan. Ir-Russja resqu viċin li jiskorjaw ir-raba’ gowl iżda x-xutt ta’ Danil Prustev ħabat mal-mimduda.

Minkejja dan, ir-raba’ gowl wasal fl-74 minuta meta Agalarov skorja t-tieni gowl personali tiegħu fil-partita. Għaxar minuti mit-tmiem, Kiril Bozhenov b’lob preċiż għeleb lil Formosa għall-ħames darba biex lejn it-tmiem kien Kirill Kravtsov li għamel l-iskor finali 6-0.