Ambjent Lokali

Nipproteġu l-art agrikola u s-sbuħija tal-pajsaġġ Malti

Iva għall-enerġija rinovabli, le għal solar farms li jkunu ta sfreġju ambjentali fuq art agrikola.

Dan qaluh f’konferenza tal-aħbarijiet Janice Chetcuti, Koordinatriċi ta’ PN Greens, Robert Cutajar, Kelliem għall-Ambjent u Edwin Vassallo, Kelliem għall-biedja fil-Partit Nazzjonalista, mill-Imġarr fl-Akwati tar-Radd biswit l-għelieqi għammiela fejn hemm proposti li jsir solar farm ta’ 40,000 metru kwadru li jbiddel darba għal dejjem il-kampanja madwar ir-raħal pittoresk tal-Imġarr.

Il-kelliema qalu li llum qed nitkellmu fuq dan is-solar farm – għax hawn proġett propost – però dak li qed ngħidu japplika għas-solar farms kollha li hawn proposti u li ser jiġu proposti. Nafu bi proġetti oħra li tressqu jew li ser jitressqu fil-Manikata, fil-Mellieħa u f’Burmarrad u postijiet oħra, sostnew il-kelliema.

Il-Partit Nazzjonalista hu favur enerġija rinnovabbli – iżda rridu naraw li dan ikun f’armonija mhux f’kuntrast mal-kampanja Maltija u mal-użu tal-art agrikola, saħqu l-kelliema.

Il-Gvern sal-lum għadu bla pjan u falla fil-miri ambjentali. U għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed ikun proattiv u qed iressaq il-proposti hu biex jgħin fil-ħarsien biex nissalvagwardjaw l-ambjent u l-biodiversitá.

Il-Partit Nazzjonalista hu  favur sorsi alternattivi imma mhux b’detriment għall-ambjent ta’ madwarna. Ir-raba’ għandu jibqa’ jiġi protett għall-provista tal-ikel frisk u mhux għall-provista tal-elettriku.

Is-solar farms huma meħtieġa iżda mhux f’raba li jista jibqa’ jiġi maħdum mill-bdiewa Maltin u Għawdxin. Ma nistgħux inħottu knisja biex nibnu oħra!