Ekonomija Lokali

Il-Ministru Silvio Schembri jgħid li ma jkollux ċans imur jagħmel xirja

Ankè l-Ministru tal-Ekonomija issa qed jammetti li l-għoli tal-ħajja qiegħed jaffettwa ħajjet il-poplu Malti u Għawdxi…iżda xorta, baqa’ ma offra l-ebda soluzzjoni.

Dan hekk kif it-Tlieta filgħodu l-Ministru Silvio Schembri sebaħ billi qal illi huwa ovju li l-poplu qed ikollu l-but issikkat.

Minflok għażel li joffri soluzzjoni u serħan il-moħħ għal dawk il-ħaddiema li jistinkaw jum wara l-ieħor biex ilaħqu mal-ħajja, għal dawk il-ġenituri li jagħmlu tant sagrifiċji biex ma jonqsu f’xejn lill-uliedhom, u  għal dawk il-pensjonanti li ma jafux kif se jaslu sal-aħħar tax-xahar….Schembri għażel li jaqa’ għan-narrattiva partiġġjana u attakka lill-Partit Nazzjonalista billi mar lura sbatax-il sena ilu. Filwaqt li qed jibqa’ jinjora għal kollox dak li qed jgħidu n-nies.

Meta mistoqsi jekk l-għoli tal-ħajja hux qed jaffettwah fuq livell personali, Silvio Schembri prova jfarfar b’dan il-mod…

Il-verita’ hi, li mhux talli l-Ministru tal-Ekonomija ma jistax iħoss l-polz reali taċ-ċittadin Malti u Għawdxi…talli ma setax iwieġeb lanqas kemm jiswa l-bażiku, bħal ħobża u pakkett ħalib.

Madanakollu, għad-differenza tal-Ministru li suppost joffri soluzzjonijiet biex inaqqas l-effetti tal-għoli tal-ħajja, l-poplu konxju kif butu qed jiġi affettwat – bi sfida kontinwa biex wieħed iġemma’, partikolarment familji u anzjani li mhux biss iridu jħabbtu wiċċhom max-xirjiet ta’ kuljum iżda ankè mal-kirjiet.


Din hija r-realtà li qed jgħix il-poplu – problema kbira, li minkejja l-kliem fieragħ, Gvern Laburista ħalla f’ħoġor il-familji Maltin u Għawdxin.

Ikkummenta