Il-qawwiet Afgani li qegħdin jirreżistu lit-Taliban li ħa lura mill-ġdid it-tmexxija ta’ pajjiżu talbu biex il-komunità internazzjonali ma tirrikonoxxix lill-Gvern ġdid li l-istess militanti Iżlamiċi fundamentalisti ħabbru aktar kmieni fil-ġimgħa.
Il-Kabinett ġdid tat-Taliban f’Kabul jinkludi elementi li huma konnessi ma’ diversi azzjonijiet terroristiċi – u meta l-Ministru għall-Intern Sirajuddin Haqqini hu mfittex mill-Istati Uniti b’konnessjoni ma’ attakki mdemmija fuq ċivili u militar. Intant, ir-reżistenza anti-Talibana qed tinsisti li l-Kabinett Afgan ġdid – magħmul kollu kemmm hu mill-kapijiet tal-grupp militanti u l-assoċjati tiegħu – hu wieħed ‘illegali’.
Dan waqt li l-Istati Uniti tinsab urtata li dan il-Gvern Afgan – li qed jaqdi rwol proviżorju – qed jinkorpora personalitajiet marbutin mal-attakki fuq il-qawwiet Amerikani.
Intant, l-Unjoni Ewropea qalet li t-Taliban mar lura minn kelmtu biex jintroduċi Gvern ġdid f’Kabul ‘li jinkludi u jirrappreżenta lil kulħadd’.
L-amministrazzjoni attwali f’Kabul qed titmexxa minn Mullah Mohammad Hassan Akhund, li jinsab fuq il-‘lista s-sewda’ tan-Nazzjonijiet Uniti.
Fl-istess ħin, il-Front Nazzjonali (Afgan) għar-Reżistenza lit-Taliban qed jikkunsidra lill-Kabinett attwali f’Kabul bħala ‘simbolu tal-antagoniżmu tat-Talibani għall-poplu tal-Afganistan’.
Sadanittant, ħadd ma jaf biċ-ċert jekk it-Talibani rebħux il-battalja għall-kontroll tal-Wied ta’ Panjshir li kien l-aħħar zona ta’ reżistenza okkupata mill-ġellieda tal-Front Nazzjonali għar-Reżistenza. Fil-fatt, il-kelliema tal-gruppi anti-Talibani qalu li ‘għadhom qed jiġġieldu kontra l-militanti fl-inħawi.
L-Istati Uniti qalet li se tkompli twettaq pressjoni fuq it-Talibani biex jippermettu li ċ-ċittadini Afgani bid-dokumenti xierqa u l-barranin joħorġu mill-Afganistan mingħajr periklu.
Dan meta s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, qed iħejji laqgħa virtwali mar-rappreżentanti ta’ 20 pajjiżi tal-Punent bil-għan li huma jikkoordinaw ‘pakkett ta’ kundizzjonijiet’ għall-kuntatti futuri mal-Gvern tat-Taliban.
//= $special ?>