Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: Jitlef ħajtu raġel ta’ 77 sena

53 każ ġdid - 743 każ attiv

L-imwiet tal-pandemija żdiedu għal 446 meta fl-aħħar 24 siegħa, bil-COVID-19, tilef ħajtu raġel ta’ 77 sena. Il-Ministeru tas-Saħħa ma tax dettalji dwar jekk dan ir-raġel mietx fir-residenza tiegħu jew fl-isptar.

Permezz ta’ post fuq Facebook, l-Awtoritajiet tas-Saħħa ħabbru li fl-aħħar sigħat, f’pajjiżna kienu rreġistrati 53 każ ġdid filwaqt li 31 persuna fiequ mill-virus biex b’hekk il-każi attivi issa jammontaw għal 743.

Bejn it-Tlieta u l-Erbgħa, il-persuni li jinsabu rikoverati l-isptar Mater Dei minħabba l-Coronavirus żdiedu għal 31. Tnejn minnhom qed jirċievu kura intensiva fl-ITU.

Intant, meta l-Ministru tas-Saħħa ħa deċiżjoni li ftit li xejn jibqa’ joħroġ dettalji dwar is-sitwazzjoni tal-COVID-19 f’pajjiżna, il-pubbliku m’għadx għandu informazzjoni dwar swab tests amministrati fl-aħħar sigħat u lanqas numri totali ta’ każi ġodda u każi ta’ fejqan sa mill-bidu tal-Pandemija.

Ittieħdet ukoll deċiżjoni simili dwar id-dożi tal-vaċċin u n-numri ta’ persuni imlaqqma b’mod sħiħ hekk kif issa nafu biss it-total ta’ dożi li ingħataw sa mill-ewwel tilqima u l-ammont ta’ boosters li ngħataw fl-aħħar sigħat, li minnhom ingħataw ftit iktar minn 1,000.