L-Għawdxin mhux poplu tat-tieni klassi u għandhom kull dritt li jgawdu l-benefiċċji kollha ta’ suq akbar konness ma’ Malta u mal-Ewropa li jġib Gvern ġdid Nazzjonalista li jinvesti b’saħħa fil-konnettivita’ Għawdxija b’żewġ vapuri ġodda, b’wieħed minnhom riservat esklussivament għall-merkanzija biex jixpruna l-industrija u l-manifattura ġo Għawdex.
Dan qaluh f’messaġġ għall-media mill-port tal-Imġarr ġo Għawdex il-Kelliem ewlieni tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius flimkien mad-Deputati Parlamentari eletti min Għawdex Kevin Cutajar u Joseph Ellis.
Peter Agius spjega kif bħal ma għamel fil-passat fejn b’viżjoni l-PN investa fi tlett vapuri li ppermettew żvilupp u xogħol ġo Għawdex għal dawn l-aħħar tletin sena, issa l-PN lest li jmexxi lil Għawdex għall-pass li jmiss billi jinvesti f’żewġ vapuri ġodda li jiżdiedu mal-flotta eżistenti sabiex jindirizzaw il-bżonn ta’ servizz aktar affidabbli fit-tul u l-bżonn ta’ trasport tal-merkanzija li jkun bi skeda għalih u mhux f’kompetizzjoni ta’ spazju mat-traffiku tal-passiġġieri.
Joseph Ellis elabora ulterjorment fuq il-proposti tal-Partit Nazzjonalista li jsir investiment sostanzjali sabiex jitkabbar il-port tal-Imġarr. Ellis spjega kif dan il-port li kien tajjeb ferm bħala bażi għall-Gozo Channel, illum jipprovdi lok għall-fast Ferry kif ukoll għal diversi bastimenti oħra privati u li għaldaqstant, qed tinħass dejjem aktar il-bżonn li l-port jikber fid-daqs tiegħu sabiex jippermetti l-iżvilupp ulterjuri tal-gżira Għawdxija. L-ambizzjoni tal-poplu Għawdxi llum hija akbar minn dan il-port u Gvern ġdid Nazzjonalista għaldaqstant jimpenja ruħu li jkabbar dan il-port biex jippermetti li nilħqu dik l-ambizzjoni.
Kevin Cutajar min naħa tiegħu tkellem fuq il-proposta PN li jiddemokratizza l-għażla Għawdxija fuq il-mina bejn Għawdex u Malta. Cutajar spjega kif il-pass li ssir il mina huwa wieħed deċiżiv u irreversibbli fuq il-karattru Għawdxi. Il-mina tqajjem ukoll bosta sentimenti u pożizzjjonijiet li jiddistingwu lill-Għawdxin f’argumenti differenti favur u kontra u għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista jara li kull Għawdxi u Għawdxija jkollhom id-dritt u l-possibilita’ li jiffurmaw l-opinjoni tagħhom b’għarfien sħiħ tal-vantaġġi u żvantaġġi u wara jivvota f’referendum dwar il-mina. Dan hu l-uniku mod kif Għawdex ikun jista’ jagħmel dan il-pass kritiku b’konvinzjoni għall-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk tal-ġejjieni. Gvern ġdid Nazzjonalista jikkunsidra wkoll il-possibilitajiet ta’ konnettivita bl-ajru għal Għawdex, għalaq Kevin Cutajar.
//= $special ?>