Internazzjonali

IL-Polonja: Stat ta’ emerġenza mal-fruntiera tal-Belarus

Il-Parlament fil-Polonja ddeċieda li jappoġġja u jirrinforza stat ta’ emerġenza fil-fruntiera mal-Belarus. Dan fost spinta tal-immigrazzjoni fl-inħawi u stennija għal sensiela ta’ eżerċizzji militari (qrib dik iz-zona) taħt it-tmexxija tar-Russja.

Il-liġi kontroversjali tipprojbixxi folol kbar mill-inħawi indikati, minbarra li ma tippermettix il-movimenti ‘għal 30 jum’ tul il-fruntiera tal-Polonja mal-Belarus.

Dan meta l-Polonja akkużat lill-Belarus b’li qed ‘iħajjar’ lill-immigranti biex jaqbdu titjiriet lejn l-ibliet Pollakki permezz tal-wiegħda falza li huma ‘ikunu jistgħu jidħlu legalment fl-Unjoni Ewropea’.

Il-Belarus, taħt it-tmexxija awtokratika tal-President Alexander Lukashenko, mhux pajjiż-membru tal-UE, iżda fl-istess ħin qed jaqsam fruntiera ma’ tliet Stati membri, li l-Polonja hi waħda minnhom.

Filwaqt li d-deputati parlamentari f’Varsavja vvutaw biex japprovaw il-liġi dwar l-istat ta’ emerġenza, ħafna politiċi Pollakki fl-Oppożizzjoni qalu li l-miżuri li ttieħdu huma ‘sproporzjonali’ għal din is-sitwazzjoni. Dan għaliex mhumiex permissibbli l-movimenti lejn madwar 200 belt li jinsabu f’zona speċifika mal-fruntiera tal-Belarus.

Filwaqt li l-ġurnalisti huma projbiti minn dik iz-zona, l-Oppożizzjoni fil-Polonja qed takkuża lill-Gvern dwar politika intiża biex jintbagħtu lura lejn il-Belarus numru ta’ nies li qegħdin ifittxu kenn politiku. Il-Gvern Pollakk anki qed ikun akkużat b’li qed ‘jaħbi idu’ filwaqt li jirrikorri għal dan l-‘aġir inaċċettabbli’.

Il-Polonja, il-Litwanja u l-Latvja – ilkoll membri tal-UE – ikkonfermaw żidiet kbar ta’ immigranti mill-Iraq, l-Afganistan u pajjiżi oħra Asjatiċi u tal-Lvant Nofsani, mill-bidu tas-sajf ‘il hawn.

Sadanittant, l-Unjoni Ewropea akkużat lill-President tal-Belarus, Lukashenko, dwar pjan intiż biex l-Ewropa ‘timtela’ bl-immigranti illegali’ bħala forma ta’ ritaljazzjoni għas-sanzjonijiet tal-Ewropa fil-konfront tal-Gvern awtoritarju u ripressiv f’Minsk.

Iżda l-Gvern tal-Belarus qed jiċħad għal dawn l-allegazzjonijiet, waqt li jakkuża lill-politiċi tal-Punent ‘dwar is-sitwazzjoni li tħalliet tiżviluppa mal-fruntiera tal-Polonja’.