Lokali

Imut Guido Lanfranco

Tħabbret il-mewt tal-folklorista Guido Lanfranco, li kellu 90 sena. Lanfranco kien għalliem, kittieb u folklorista.

Lanfranco kien jgħallem f’De La Salle College, fil-Birgu u f’diversi skejjel primarji tal-Gvern u sekondarji u tekniċi f’Malta u Għawdex. Kien jgħallem ix-xjenza, il-bijoloġija, u l-ġeografija.

Kien jgħallem ukoll f’St. Michael’s College of Education għall-għalliema (1966–1973) fejn għallem metodi għat-tagħlim tax-xjenza u l-istudji soċjali. Għallem il-bijoloġija avvanzata fl-Upper Secondary School Valletta, li wara saret il-Junior College, u hemm laħaq kap tad-Dipartiment tal-Bijoloġija u Assistant Kap tal-iskola (1980) minn fejn irtira fl-1991.

Ħafna jafu lil Lanfranco għal kotba tiegħu – kotba dwar it-tradizzjoni Maltija inkluż dwar is-snajja u l-ikel.

Ingħata diversi premjijiet mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (fosthom l-ewwel, it-tieni u speċjali) f’diversi okkażjonijiet, kif ukoll l-ewwel premju Poeżija bil-Malti tal-Għaqda Poeti Maltin u l-Kummissjoni Ambjent tad-Djoċesi.

Huwa ingħata Medalja tal-Bronż tal-Mertu mill-Konfederazzjoni tal-Kunsilli Ċiviċi (1968) u l-Medalja Għall-Qadi tar-Repubblika (M.Q.R.) (1996).