Lokali

“Inħoss li issa fil-PBS hemm telqa totali u ħerba sħiħa” – Alfie Fabri

“Inħoss li issa fil-PBS hemm telqa totali u ħerba sħiħa. Kollox kien sejjer sew iżda minn xahrejn, tlieta ilu, inbidel kollox. Ilni f’dan ix-xogħol aktar minn 40 sena u l-affarijiet li qed jagħmlu mhux sew.” – F’intervista mal-ġurnal ‘l-Orizzont’ id-DJ u preżentatur ta’ diversi programmi fuq ir-radju lokali, Alfie Fabri saħaq li hu u oħrajn ġew totalment abbandunati mill-PBS mill-iskeda l-ġdida tax-xandir nazzjonali li mistennija tibda fi ftit ġimgħat. Alfie Fabri stqarr li hu u oħrajn qed jiġu trattati bla dinjità meta qed ikunu għal kollox ibbojkotjati mill-iskeda l-ġdida tal-istazzjon.

Ix-xandar popolari, kien qed jitkellem f’isem ix-Xandara Xandir Pubbliku (XXP) li qed isibu ruħhom f’diffikultajiet kbar minħabbar tibdil u indħil fix-xandir. Jidher li diversi xandara li għandhom snin ta’ esperjenza fuq ir-radju lokali spiċċaw f’sitwazzjoni ħażina ħafna.

Matul din l-intervista, fost l-oħrajn ħareġ ukoll li se jitwaqqaf il-programm ‘L-Aqwa 20 f’Malta’, preżentat minn Fabri nnifsu, u li kien qed jagħti pjattaformi għall-artisti lokali. Pjattaforma li issa jidher li se titneħħa mix-xandir nazzjonali. Alfie Fabri spjega li din is-sitwazzjoni “inaċċettabbli” ġiet dikussa mal-Gvern iżda x-xandara għadhom s’issa mingħajr ebda risosta mill-Ministeru u mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Meta tul din l-intervista Fabri spjega li din is-sitwazzjoni qed taffetwa wkoll xandara tat-televiżjoni, hu saħaq li hemm ħafna nies irrabjati u li din hija sitwazzjoni nazzjonali li għandha l-appoġġ tal-pubbliku. Ix-xadara qed jitolbu reviżjoni sħiħa tal-iskeda l-ġdida tal-PBS u li din l-iskeda tibda xahar wara d-data proposta bħalissa.

Ikkummenta