Internazzjonali

L-attakki terroristiċi tal-2015 f’Pariġi: Jibda l-ġuri storiku għal 20 suspettati fi Franza

Il-poplu Franċiż qed isegwi b’attenzjoni l-akbar ġuri fl-istorja moderna ta’ pajjiżu li qed jitratta l-attakki terroristiċi tal-2015 f’Pariġi li ħallew ‘i fuq minn 130 mejtin u diversi midruba.

L-attakk imwettaq minn grupp ta’ terroristi tal-ISIS– u li fih spikkaw l-isparaturi u l-isplużjonijiet —  kien bla dubju l-akbar atroċità fi Franza mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘il hawn.

Intant, l-uniku terrorista mill-grupp li baqa’ ħaj – u li jismu Salah Abdeslam — tressaq il-qorti flimkien ma’ 12-il imputat ieħor, u meta l-proċess qed isir f’faċilità tas-sigurtà ‘speċjali’ fil-kapitali Franċiża.

Il-proċess tal-qorti għandu jdum għaddej fuq disa’ xhur u se jkun hemm aktar minn 140 jiem ta’ smigħ li jinvolvu madwar 330 avukat u 1,800 persuna li salvaw mill-attakki terroristiċi storiċi – flimkien mal-qraba tal-vittmi.

Għandu jagħti x-xhieda wkoll Franacois Hollande, li kien il-President ta’ Franza fi żmien l-attakki tat-13 ta’ Novembru tal-2015.

Qabel il-proċess, Hollande qal lill-media ta’ Franza li l-proċess tal-qorti hu ferm sinifikanti għall-vittmi tal-attakki… ‘Attakki li dak iż-żmien kienu kkunsidrati bħala azzjoni ta’ gwerra diretta lejn Franza’.

Intant, l-ISIS ammetta li kien wettaq l-attakki fuq il-kumpless tal-kunċerti ta’ Bataclan kif ukoll fuq stadium tal-futbol ewlieni u diversi stabbilimenti tax-xorb u ristoranti, fil-kapitali Franċiża.

Fl-istess ħin, il-ġuri se jkun l-aħjar okkażjoni biex il-qraba tal-vittmi u l-midruba fl-attakki jirrakkuntaw dak li għaddew minnu. Mill-banda l-oħra mhemmx dubju li b’dan il-mod se jinfetħu wkoll ‘ħafna feriti psikoloġiċi’ għan-nies ikkonċernati.

Mill-20 suspettati li jinsabu taħt proċess hemm sitta li qegħdin jgħaddu ġuri fl-assenza tagħhom – u fejn qed jiffaċċjaw akkużi ta’ omiċidju, kompliċità f’azzjonijiet qattiela u sehem f’kumplott għal attakk terroristiku.

Il-parti kbira tal-akkużati – fosthom Salah Abdeslam – jistgħu jeħlu għomorhom il-ħabs f’każ li jinstabu ħatja dwar l-akkużi miġjuba quddiemhom.

Abdeslam hu akkużat b’li pprovda appoġġ loġistiku lit-terroristi inkwistjoni u fejn hu, imbagħad, spiċċa jaħrab mix-xena tat-terrur. L-istess terrorista, waqt l-azzjoni, anki spiċċa jarmi ċinturin tal-isplussivi li ‘il quddiem kien iddikjarat bħala difettuż.

Salah Abdeslam kien inqabad erba’ xhur wara meta kien involut fi sparatura mal-pulizija fi Brussell, il-kapitali tal-Belġju. Abdeslam, minn dakinar, irrifjuta li jikkoopera mal-investigaturi ta’ Franza u hemm spekulazzjoni kbira dwar ‘kemm hu se jiżvela xi informazzjoni’ waqt dan il-ġuri.