Wara t-telfa ta’ 2-0 kontra r-Russja, biż-żewġ gowls jaslu minn żball difensiv kif ukoll penalty dubjuż lejn l-tmiem il-partita, il-kowċ Devis Mangia saħaq li t-tim Malti se jibqa’ jilgħab bl-istil u l-filosofija li jemmen fiha. L-istil ta’ logħob li lagħab bih it-tim Malti, kien ukoll mfaħħar mill-ġurnalisti Russi wara l-partita, fejn ikkumplimentaw lill-kowċ Devis Mangia għal kuraġġ li wrew il-plejers Maltin, fejn ħolqu diversi okkażżjonijiet ta’ skor.
Mangia saħaq li hu kuntent bil-prestazzjonijiet tat-tim Malti f’dawn it-tliet partiti għalkemm m’huwiex sodisfatt bir-riżultati miksuba. Madanakollu, Mangia qal li fil-partita ta’ lbieraħ kien evidenti li l-plejers Maltin kienu fiżikament għajjenin fl-aħħar għoxrin minuta, anke minħabba l-fatt li r-Russi huma fiżikament superjuri għall-plejers Maltin.
Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti enfasizza li t-tim Malti se jibqa’ jilgħab b’dan l-istil ta’ futbol, hekk kif minkejja r-riżultat diżappuntanti, il-plejers Maltin lagħbu futbol offensiv, b’personalita’ u attitudni pożittiva.
//= $special ?>