“It-8 ta’ Settembru għalina l-Maltin u l-Għawdxin huwa Jum ta’ Vitorja, bir-raġun nsejħu dan il-jum il-Vitorja, għal iżjed minn darba, f’mumenti ta’ għawġ, il-poplu għażiż tagħna, dar lejn l-interċezzjoni ta’ Marija, talab il-ħelsien mill-għada, mit-turufnament”
Dan huwa l-messaġġ li wassal l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna fil-pontifikal li sar f’Jum il-festa tal-Bambina fil-Bażilika Minuri fil-Belt tal-Isla.
“Il-Madonna, Marija Bambina, ma ħelsitx biss lil din il-Belt, il-Belt invicta, imma lil Malta tagħna, imma lil Malta tagħna minn tant għelt, u llum nitolbuha li fil-qalb tagħna ixxerred il-balzmu tal-għaqda, tal-maħfra, tal-ġustizzja, tal-għatx tas-sewwa, xi jkun jiswa li aħna b’emozzjoni bid-dmugħ f’għajnejna, insellmu lill-Bambina, jekk imbagħad il-kliem ta’ binha ngħaffġuh”
Huwa qal li bħala poplu dejjem ħarisna lejn il-Bambina biex toħroġna minn dan il-wied tad-dmugħ. “Hi simbolu ta’ tama li tfakkarna li Alla hu ħniena u Alla hu mħabba.”
L-Arċisqof tkellem ukoll dwar l-importanza li nagħmlu l-karita ma’ xulxin, hekk kif hemm bżonn li nikbru flimkien, u li bejnietna bħala poplu nżommu l-paċi.
“Aħna l-Maltin u l-Għawdxin niċċelebraw avvenimenti fl-istorja tagħna fejn dejjem ħarisna lejn il-Madonnna bħala omm it-tama u omm il-ħniena”, tenna l-Kap tal-Knisja f’Malta.
Il-festa tal-Vitorja tkun iċċelebrata mhux biss fl-Isla, iżda wkoll fin-Naxxar, fil-Mellieħa, u fix-Xagħra Għawdex
Il-Jum tat-8 ta’ Settembru għalina l-Maltin huwa jum ir-rebħ, jum li tul is-snin fisser mumenti importanti fl-istorja ta’ pajjiżna.
Fl-1565, dan il-jum fisser it-tmiem tal-Assedju l-Kbir mill-Imperu Ottoman, hekk kif il-Kavallieri u l-poplu Maltija irreżistew l-invażjoni ta’ wieħed mill-akbar potenzi ta’ dak iż-żmien.
Fl-1800, jiġi fi tmiemu l-imblokk tal-Franċiżi wara sentejn minn meta l-qawwiet ta’ Napuljun kienu waslu Malta u ġabu fi tmiemhom aktar minn żewġ sekli ta’ ħakma mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.
F’dan il-jum, fl-1943, l-Italja faxxista ċċedi u effettivament fissret tmiem l-involviment dirett ta’ Malta fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Intant permezz ta’ post fuq Facebook, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li dawn il-ġrajjiet għandhom ifakkruna fl-isfidi li bħala Maltin qed niffaċċjaw illum u r-rieda tagħna li flimkien negħlbuhom u għalhekk jeħtieġ li flimkien inkunu l-bidla li pajjiżna tant jeħtieġ.
Ritratti: Matthew Tabone
//= $special ?>