Lokali Unjoni Ewropea

Rapporti jindikaw li Roberta Metsola qed tiġi kunsidrata għall-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew

Il-Vici President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola qed tissemma bħala waħda mid-deputati Ewropej li jistgħu jkunu kandidati tal-Partit Popolari Ewropew għall-President tal-Parlament Ewropew.

Il-ġurnal influwenti Politico semma lill-ewwel Viċi President Maltija, li bħalissa għandha l-ogħla kariga f’isem il-PPE fil-Parlament Ewropew, u lill-MEP Olandiża Esther De Lange bħala żewġ MEPs li qed jiġu kkunsidrati biex jieħdu dan l-irwol. Ġurnali oħra madwar l-Ewropa qalu li l-akbar partit fil-Parlament Ewropew qed jimbotta biex il-President li jmiss tal-istituzzjoni tkun mara wara nuqqas ta’ kważi 20 sena, u l-ewwel Viċi President tal-Parlament Ewropew Metsola qed tkun ikkunsidrata għal dan l-irwol ewlieni fl-Unjoni Ewropea.

Dawn ir-rapporti ħarġu wara li aktar kmieni illum, l-MEP Ġermaniż Manfred Weber, li jmexxi il-grupp tal-PPE fil-Parlament Ewropew, ħabbar internament li mhux se jkun qed jitfa’ ismu għall-ogħla kariga fit-tmexxija tal-Parlament Ewropew u minflok se jitfa’ ħarstu fuq it-tmexxija tal-Partit Popolari Ewropew.

Manfred Weber kien ikkunsidrat bħala l-kandidat li se jkun qed jieħu f’idejh l-irwol ta’ President tal-Parlament Ewropew wara li jispiċċa it-terminu ta’ sentejn u nofs tal-MEP Taljan David Sassoli, li ġej mill-partit Soċjalist. Sassoli nħatar President wara l-elezzjonijiet Ewropej fl-2019, bil-partiti ewlenin fl-istess istituzzjoni jaqblu li l-ewwel nofs tal-leġiżlatura kellu tkun taħt tmexxija ta’ MEP Soċjalist, waqt li t-tmexxija tgħaddi għand MEP tal-PPE fit-tieni nofs tal-leġiżlatura – jiġifieri minn Jannar 2022.

L-iżviluppi li seħħew fl-aħħar ġimgħat, meta l-President tal-Partit Popolari Ewropew Donald Tusk għażel li jerġa’ jmur lura l-Polonja biex jieħu f’idejħ it-tmexxija tal-partit fl-oppożizzjoni, waslu biex inħoloq post vakat fit-tmexxija tal-Partit Popolari Ewropew. Dan wassal biex Weber dawwar ħarstu lejn dan l-irwol li jiġbor fih l-forzi politiċi taċ-ċentru u taċ-ċentru-lemin fl-Ewropa, fosthom partiti fil-Gvern u fl-oppożizzjoni.

Mill-banda l-oħra, rapporti qed jindikaw li Sassoli xorta qed jipprova jikkampanja biex jibqa’ President tal-Parlament Ewropew wara Jannar, minkejja l-ftehim bejn il-gruppi politiċi Ewlenin fil-Parlament.