Lokali Qorti

16-il xahar ħabs fuq serq minn żewġ vetturi u attentat ta’ serq minn tnejn oħra

Raġel ta’ 38 sena ġie kundannat 16-il xahar ħabs mill-Maġistrat Gabriella Vella wara li ammetta li wettaq żewġ serqiet minn vetturi u attentata ta’ żewġ serqiet minn vetturi oħra. Ir-reati saru f’perjodu ta’ jumejn, bejn is-16 u s-17 ta’ Marzu ta’ din is-sena minn karozza f’Ħal Tarxien u oħra mill-Floriana li minnhom saret is-serqa u attentat ta’ serq minn żewġ vannijiet fil-Fgura.

Christian Said residenti l-Fgura kien.ġie arrestat mill-Pulizija mid-Distrett ta’ Raħal Ġdid u meta tressaq il-Qorti ma kienx ammetta r-reati kommessi, iżda ammetta waqt il-kumpilazzjoni li fis-16 ta’ Marzu 2021, għall-ħabta tal-5:00am. minn Ħal Tarxien seraq nuċċali u oġġetti oħra, minn karozza.

Huwa ammetta wkoll li l-għada fl-10:15am. minn Vjal Nelson, Floriana ikkommetta serq ta’ flus, dokumenti u oġġetti oħra minn vettura. Ammetta wkoll li fis-16 ta’ Marzu għall-ħabta ta’ 11.45pm. minn Triq Kent, il-Fgura, bil-ħsieb li jwettaq serq minn żewġ vetturi oħra ta bidu għall-esekuzzjoni ta’ dan id-delitt, liema delitt ma ġiex esegwit minħabba xi ħaġa aċċidentali u indipendenti mill-volontà tiegħu

Huwa nstab ħati wkoll li kiser il-libertà proviżorja billi naqas milli jħares il-kondizzjonijiet li ġew imposti fuqu mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia nhar it-8 ta’ Marzu 2021, li bih ħa l-ħelsien mill-arrest. Instab ħat wkoll li sar reċidiv.
Wara li kkunsidrat il-provi kollha prodotti mill-prosekuzzjoni, inkluż iżda mhux limitatament ix-xhieda tal-vittimi f’dawn il-proċeduri, il-Qorti qalet hija tal-fehma li ma hemm l-ebda raġuni li ma għandhiex taċċetta l-ammissjoni ta’ ħtija minn naħa tal-imputat.

Għall-finijiet ta’ piena l-Qorti ħadet in konsiderazzjoni n-natura ta’ l-imputazzjonijiet miġjuba fil-konfront tiegħu,fost liema hemm l-imputazzjoni tal-ksur tal-kondizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest kif ukoll l-ammissjoni reġistrata.
“Kull persuna li tonqos milli tħares xi waħda mill-kondizzjonijiet imposti mill-qorti fid-digriet tagħha li bih tagħti l-ħelsien mill-arrest taħt garanzija tkun ħatja ta’ reat u teħel, meta tinsab ħatja, il-piena ta’ multa jew ta’ priġunerija għal żmien ta’ erba’ xhur sa’ sentejn, jew għal multa u priġunerija flimkien.

“Il-Qorti għandha tordna li l-ammont stabilit fil-ħelsien mill-arrest taħt garanzija għandu jiġi konfiskat favur il-Gvern ta’ Malta skond kif il-Qorti tqis il-gravità tar-reat. Fiċ-ċirkostanzi l-Qorti ma tistax tqis li l-ksur huwa wieħed minimu u ta’ importanza żgħira iżda tapprezza l-fatt li l-imputat għaraf li żbalja tant illi spiċċa biex ammetta għall-akkużi,” qalet il-Qorti.

Il-Qorti qalet li tqis li għandha tiġi ordnata l-konfiska a favur il-Gvern ta’ Malta ta’ nofs il-garanzija ta’ €5,000 imposta bid-Digriet għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk li tiġi konfiskata favur il-Gvern ta’ Malta s-somma ta’ €2,500. Dwar it-talba għar-revoka tal-ħelsien mill-arrest u l-konsegwenti ri-arrest ta’ l-imputat, il-Qorti ħasbet fit-tul dwar din il-kwistjoni u għalkemm ma ġietx ordnata l-konfiska tas-somma kollha stabbilita bħala garanzija fid-Digriet għall-ħelsien mill-arrest, liema garanzija fil-fatt ingħatat permezz ta’ terz garanti, temmen li f’dan il-każ, l-imputat wera biċ-ċar li ma għandu l-ebda rispett lejn il-kondizzjonijiet imposti fuqu għall-finijiet ta’ ħelsien mill-arrest.

Ingħad ukoll li lanqas wera wisq rispett lejn t-terz li aċċetta li joqgħod garanti għalih għas-somma ta’ €5,000, u ma tistax għajr li tirrevoka l-ħelsien mill-arrest konċess lill-imputat. Fid-dawl ta’ dan kollu huwa ġie kkundannat għal 16 xahar priġunerija.

Il-Qorti ikkundannat ukoll lill-imputat iħallas lir-Reġistratur Qrati u Tribunali Kriminali s-somma ta’ €859.16, rappreżentanti spejjeż konnessi mal-ħatra f’dawn il-proċeduri ta’ John Sacco bħala Espert Tekniku. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Sarah Kathleen Zerafa, Paul Camilleri u Michael Vella.