Lokali

Ħaddiem jindarab serjament f’sit ta’ kostruzzjoni f’San Pawl il-Baħar

Ħaddiem ta’ 46 sena mill-Kosta tal-Avorja ndarab serjament wara li waqa’ minn għoli sular f’sit ta’ kostruzzjoni fi Sqaq tax-Xema’, San Pawl il-Baħar.

Il-Pulizija kienet mgħarrfa b’dan il-każ għall-ħabta tal-10.45 ta’ filgħodu, bil-ħaddiem, li huwa residenti l-Marsa, kellu jingħata l-għajnuna minn tim mediku u wara ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar kura.

Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post, viċin l-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar, sabiex jassistu.

Il-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, bil-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.