Internazzjonali

Jissoktaw il-protesti kontra t-Taliban fl-Afganistan

Żewġ ġurnalisti jiġu arrestati u msawwta talli rrappurtaw protesta bin-nisa

Id-dimostranti rħewlha fit-toroq ta’ bosta bliet tal-Afganistan, fosthom il-provinċji ta’ Parwan u Nimruz, kontra l-pressjoni tat-Taliban biex dawn jibqgħu d-dar u ma jsemmgħux leħinhom kontra l-oppressjoni tat-tmexxija.

It-Taliban pprojbixxa kwalunkwe protesta fil-pajjiż, diment li din ma tiksibx l-awtorizzazzjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja, bil-ġellieda saħansitra jiftħu n-nar u sparaw il-gassijiet tad-dmugħ ħalli jferrxu lid-dimostranti biswit l-ambaxxata Pakistana fil-kapitali Kabul.

Waqt dawn il-protesti, inżammu u ġew attakkati severament 2 ġurnalisti li kienu qed isegwu dak kollu li kien qed jiġri f’protesta min-nisa quddiem għassa tal-Pulizija, bil-fotografu saħansitra jispjega kif ġellied minnhom faqalu wiċċu mal-konkrit u tah bis-sieq f’rasu.

Jidher li l-awtoritajiet tat-Taliban ħadu liż-żewġ ġurnlist f’għassa tal-Pulizija, żammewhom f’2 ċelel separati qabel ma sawtuwhom, tant li ntilfu minn sensiehom 4 darbiet u kellhom jingħataw trattament mediku f’dahrhom u wiċċhom meta dawn inħellsu.

L-istess awtoritajiet ħarġu ordni biex qatgħu kwalunkwe konnettività tal-internet f’partijiet minn Kabul, b’ġurnalist Afgan jirrapporta li l-haddiema tat-telekomunikazzjoni kellhom jobdu din id-direttiva biex l-internet fuq il-mobile jintefa temporanjament f’bosta distretti tal-kapitali.

Intant, madwar 200 Amerikan u xi barranin oħra se jitħallew jitilqu mill-Afganistan fuq titjiriet charter mill-kapitali Kabul wara li l-gvern il-ġdid tat-Taliban laħaq ftehim biex dawn jiġu evakwati.

Dawn it-titjiriet huma fost l-ewwel titjiriet internazzjonali li se jitilqu mill-ajruport ta’ Kabul minn kemm ilu li l-militanti Iżlamiċi ħadu l-kontroll tal-pajjiż…f’perijodu fejn ġew evakwati mal-125,000 persuna.