Lokali

AĠĠORNATA: Sparatura fl-Iklin; persuna l-isptar wara argument bejn żewġ sewwieqa

Raġel minn Naxxar kellu jittieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara li ntlaqat minn tir t’arma tan-nar fl-Iklin.

Il-każ seħħ għall-ħabta tat-3.45 tal-Ħamis waranofsinhar fi Triq il-Wied meta mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-vittma ta’ 55 sena ntlaqat minn tir ta’ arma tan-nar fi spalltu wara argument ma’ żagħżugħ ta’ 24 sena mill-Iklin.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegaw li l-argument seħħ wara ħabta bejn żewġ vetturi fl-istess triq…biż-żagħżugħ jispara tiri t’arma tan-nar lejn in-Naxxari.

Huwa ttieħed l-isptar għal aktar kura permezz ta’ ambulanza. Dan filwaqt li mill-ewwel informazzjoni l-aggressur ġie arrestat fil-post minn uffiċjali tal-Pulizija.

Intant il-Pulizija għalqet din it-triq għat-traffiku, filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Fil-post ġiet imsejħa wkoll il-Maġistrat Nadine Lia li qed tmexxi l-inkjesta maġisterjali filwaqt li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

Kelliema għal Pulizija spjegaw li kienu qed jiġu mitkellma xi persuni sabiex jiġi stabbilit eżattament ir-raġuni wara dak li seħħ.

Ritratt: Martin Agius