Atletika Sport Sport Ieħor

Tirritorna l-ġirja popolari tal-Indipendenza | Din is-sena se tkun organizzata fuq skala akbar

Il-ġirja tradizzjonali tal-Indipendenza, din id-darba se tkun waħda kompetittiva u se ssir nhar il-Ħadd, 19 ta' Settembru, fis-7am f'Ta'Qali

‘The Independence Day Run 2021’ se ssir nhar il-Ħadd, 19 ta’ Settembru, fis-7am f’Ta’Qali

Wara nuqqas ta’ sena, minħabba r-restrizzjonijiet li kienu marbuta mal-COVID-19, nhar il-Ħadd, 19 ta’ Settembru se tkun qed tirritorna l-ġirja tradizzjonali tal-Indipendenza, ‘The Independence Day Run 2021′. F’dawn l-aħħar snin, din il-ġirja kienet waħda mill-aktar attivitajiet popolari fil-kalendarju ta’ attivitajiet tal-festi tal-Indipendenza, organizzati mill-Partit Nazzjonalista. F’Settembru tal-2013, din il-ġirja bdiet tkun organizzata ta’ kull sena, grazzi għas-sehem dirett tal-fergħa sportiva fi ħdan il-PN, Tim Sport Partit Nazzjonalista.

Din is-sena l-ġirja tal-Indipendenza se tkun waħda kompetittiva u se tkun fuq distanza ta’ 5 kilometri.

Din id-darba, fis-seba’ edizzjoni tagħha, din il-ġirja se tkompli tikber fid-dimensjoni tagħha, u għall-ewwel darba qed tiġi mmfassla sabiex tkun waħda kompetittiva, fuq distanza ta’ 5 kilometri. Saħansitra, din l-attivitá sportiva se tkun qed issir għall-ewwel darba f’Ta’Qali, lokazzjoni li hi marbuta u popolari ferm ma’ numru kbir ta’ attivitajiet ta’ dan it-tip, u li jkunu organiżżati minn diversi klabbs u entitajiet sportivi, matul is-sena kollha.

Iċ-Ċermen ta’ TSPN, Christian Micallef qal li din se tkun waħda mill-ewwel attivitajiet li l-fergħa sportiva se tkun qed torganiżża wara diversi xhur li fihom ma saru ebda attivitajiet minħabba l-COVID-19.


““Bħala eżekuttiv ta’ TSPN, ninsabu ħerqana sabiex nerġgħu norganiżżaw attivitajiet ta’ dan it-tip, u f’diversi dixxiplini sportivi differenti. L-għan tagħna hu li nippromwovu kull tip ta’ sport, u nwasslu messaġġ b’saħħtu li kwalunkwé tip ta’ eserċizzju fiżiku u parteċipazzjoni f’attivitá sportiva, jgħin lis-saħħa tagħna. Għalhekk qed inħeġġu l-parteċipazzjoni ta’ kulħadd, f’din il-ġirja, kemm ta’ dawk li jixtiequ jagħmlu din il-ġirja sempliċiment għall-ġost jew anke jekk se jkunu qed jimxuha, kif ukoll, ta’ dawk l-atleti sportivi li għalihom l-isport m’huwiex passatemp, iżda stil ta’ ħajja jew saħansitra mezz ta’ għajxien,” saħaq Micallef.

Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-fergħa sportiva tiegħu, TSPN qed jistieden u jħeġġeġ lil kulħadd, sabiex jipparteċipaw f’din l-edizzjoni tal-ġirja tal-Indipendenza. Għall-ewwel darba f’dawn l-aħħar snin, din id-darba l-ġirja se tkun waħda kompetittiva, u se jkunu qed jiġu ppremjati l-ewwel tliet postijiet fost l-irġiel u n-nisa.

Għaldaqstant din is-sena, TSPN se jkun qed jippremja lil dawk li jispiċċaw fl-ewwel tliet postijiet f’din il-ġirja ta’ 5 kilometri, kemm fil-kategorija tal-irġiel kif ukoll dik tan-nisa. Il-moħħ wara l-organizazzjoni ta’ din l-attivitá din is-sena, huma l-membri tal-istess eżekuttiv ta’ TSPN, Paula Briffa u Andre Muscat.


Briffa, li hi s-Segretarja ta’ TSPN, u atleta attiva f’dawn l-attivitajiet ta’ ġiri u fuq distanza fit-tul, spjegat li minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-COVID-19, il-massimu ta’ parteċipanti f’din it-tiġrija ma jistax jissupera l-mitt persuna.

“Fil-jiem li għaddew, appena kienu magħrufa l-ewwel dettalji dwar l-attivitá ta’ din is-sena, permezz tal-midja soċjali, l-interess tal-pubbliku sportiv lokali għal din il-ġirja, li għall-ewwel darba se tkun waħda kompetittiva, kien akbar minn tas-soltu. Bħala organizzaturi, la darba t-tiġrija ta’ din is-sena se tkun waħda fuq livell kompetittiv, se nkunu qed nagħtu premijiet u rikonoxximent lir-rebbieħa, kemm irġiel kif ukoll nisa,” qalet Briffa.


Muscat, li fi ħdan it-TSPN hu responsabbli mill-organiżazzjonijiet ta’ dawn l-attivitajiet sportivi, żied jgħid li fit-tiġrija ta’ din is-sena, se tkun qed tintuża għal-ewwel darba is-sistema ta’ ARRTS biex jinżammu l-ħinijiet ta’ kull parteċipant.

Se tkun qed tintuża għal-ewwel darba is-sistema ta’ ARRTS biex jinżammu l-ħinijiet ta’ kull parteċipant.


“Din id-darba ridna li tassew ngħollu l-livell fl-organiżazzjoni ta’ din il-ġirja sabiex tassew niftħu l-istedina tagħna għal kulħadd, inkluz għal dawk li “Din id-darba ridna li tassew ngħollu l-livell fl-organiżazzjoni ta’ din il-ġirja sabiex tassew niftħu l-istedina tagħna għal kulħadd, inkluż għal dawk li jieħdu dawn it-tip ta’ attivitajiet b’serjetá u impenn kbir,” qal Muscat.


‘The Independence Day Run 2021’ se tkun qed issir nhar il-Ħadd, 19 ta’ Settembru, fis-7am f’Ta’ Qali, u wara ftit jiem li infetħu r-reġistrazzjonijiet minn dawk kollha interessati, kienu għexieren dawk li diġa’ applikaw u l-postijiet li għad baqa’, sabiex wieħed jirreġistra l-parteċipazzjoni tiegħu, huma limitati.

Dawk interessati sabiex jieħdu sehem f’din l-edizzjoni ta’ din il-ġirja għandhom jidħlu fuq il-paġna tal-Facebook Tim Sport Partit Nazzjonalista u jirreġistraw fil-link jew jikkuntatjaw lil Paula Briffa jew Andre Muscat rispettivament.