Fl-aħħar sigħat seħħew l-ewwel titjiriet ta’ ċivili ‘il barra mill-Afganistan mindu rtiraw l-aħħar qawwiet tal-Istati Uniti mill-pajjiż f’nofs ix-xahar li għadda.
L-ewwel titjira b’dawn iċ-ċivili minn Kabul waslet f’Doha, fil-Qatar u meta magħhom fuq l-istess titjira (tal-Qatar Airways) kienu qed jivvjaġġaw ukoll tlettax-il Britanniku u 30 Amerikan.
Sadanittant, ftit tal-ħin ilu, telqet it-tieni titjira charter mill-ajruport ta’ Kabul — bl-ajruplan tal-Qatar Airways ukoll jaqbad direzzjoni lejn Doha, Mhux ċar kemm hemm nies (ċivili) fuq l-ajruplan inkella x’inhi n-nazzjonalità tagħhom.
Min-naħa tagħhom, l-uffiċjali tal-Istati Uniti qalu li l-militanti Iżlamiċi tat-Taliban li ħadu lura l-kontroll tal-Afganistan wara nuqqas ta’ 20 sena urew flessibbiltà u r-rieda li jiffaċilitaw it-tluq taċ-ċittadini Amerikani mill-Afganistan.
Madankollu, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti inkarigat mill-ħarsien tad-Drittijiet Umani qal li t-Talibani, bħalissa, ‘qed iżidu d-doża ta’ vjolenza’ fil-konfront tad-dimostranti fl-Afganistan. Ingħad li l-istess Talibani qed jużaw il-lembubi u l-frosti fuq id-dimostranti li qed jippruvaw iwasslu l-messaġġi tagħhom fil-pubbliku u meta minn daqqiet spikkaw ukoll l-isparaturi waqt il-protesti.
Daħlu wkoll rapporti kredibbli li talanqas erba’ persuni spiċċaw maqtula waqt protesti li saru fl-aħħar jiem fl-Afganistan u li numru ta’ dimostranti spiċċaw imsawwtin u arrestati mit-Talibani. Minbarra dan, in-NU qalet li t-Taliban qed juża ‘dejjem aktar forza’ fil-konfront tal-ġurnalisti li qegħdin jirrappurtaw dwar id-dimostrazzjonijiet attwali f’Kabul – u wara li l-militanti kienu ħarġu direttiva li tipprojbixxi ‘attivitjiet fil-pubbliku li mhumiex awtorizzati’.
Min-naħa tiegħu, Ghulam Isaczai,l-Ambaxxatur tal-Afganistan għan-Nazzjonijiet Uniti – li kien membru tal-Gvern preċedenti f’Kabul – ħeġġeġ biex in-NU tinforza s-sanzjonijiet fuq it-Talibani. Isaczai, li għadu r-rappreżentant ta’ pajjiżu għan-NU, ħeġġeġ ukoll biex il-pajjiżi ma jirrikonoxxux il-Gvern Talibani u biex huma jinsistu bis-sanzjonijiet eżistenti tan-NU fil-konfront tal-mexxejja li qed jiffurmaw parti mill-Kabinett tat-Taliban.
Sadanittant, il-Ministru għall-Affarijiet tal-Pakistan, Shah Mehmood Qureshi, qal li jrid il-paċi u l-prosperità fl-Afganistan waqt li għamel appell urġenti ‘biex id-dinja tevita kriżi umanitarja’ f’dak il-pajjiż. Shah Mehmood Qureshi qal li l-Pakistan hu impenjat biex jgħin lill-Afganistan minkejja li għandu riżorsi limitati.
//= $special ?>