Lokali

Arrestati b’rabta ma’ ħruq ta’ ħanut f’Ħal Qormi

Raġel ta’ 48 sena u Taljan ta’ 43 sena ser jitressqu l-Qorti dalgħodu għal xil-10:30 b’rabta ma’ ħruq ta’ ħanut f’Ħal Qormi.

Il-Pulizija mill-Arsons Unit fi ħdan l-Iskwadra tar-Reati Maġġuri flimkien mad-Distrett ta’ Ħal Qormi, wasslu għall-arrest taż-żewġt irġiel, it-tnejn residenti San Pawl il-Baħar, b’rabta ma’ ħruq ta’ ħanut nhar id-29 t’Awwissu li għadda, għall-ħabta tal-23:00.

Il-Pulizija flimkien mal-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili dakinhar intalbu jassistu fi Triq Ħammieri, Ħal Qormi, għax ħanut kien ħa nar. L-uffiċjali marru fuq il-post, ikkontrollaw in-nirien u ġiet infurmata bil-każ il-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli li ħatret inkjesta.

Wara diversi jiem ta’ investigazzjonijiet u analiżi ta’ filmati tal-kameras tas-sigurtà, il-Pulizija rnexxielha tidentifika l-allegati nies li taw in-nar u ġew arrestati. L-irġiel mistennija jitressqu l-Qorti llum quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak.