Internazzjonali

Covid-19: Il-vaċċini għadhom qed jipprovdu ‘protezzjoni qawwija’

Ix-xjenzat li żviluppat it-tilqima tal-Oxford-AstraZeneca qalet li l-vaċċini għal kontra l-Covid-19 għadhom jipprovdu protezzjoni qawwija għan-nies li ħaduhom proprju ‘sena wara li dawn in-nies ingħataw iż-żewġ dożi inizjali’.

Sadanittant, il-Professur Sarah Gilbert qalet li l-possibbiltà li tingħata tielet doża – jew booster – lil miljuni ta’ persuni tinvolvi deċiżjoni kumplikata.Hi qalet dan meta l-entità konsultattiva dwar il-vaċċini fir-Renju Unit mistennija tiddeċiedi jekk il-booster doses kontra l-Covid-19 humiex meħtieġa għal matul il-ħarifa.

Il-Professur Gilbert sejħet ukoll biex joħorġu l-liċenzji għal aktar vaċċini bil-għan li jiżdiedu l-provvisti tal-vaċċini f’dawn iż-żmenijiet tal-pandemija.

Fl-istess ħin il-Joint Committee on Vaccination and Immunisation tal-Gvern Britanniku diġà qal li tielet doża – jew top-up – għandha tingħata lin-nies bl-immunità tal-ġisem baxx ħafna u li jagħmlu tajjeb għal nofs-miljun ruħ fir-Renju Unit.

Madankollu, il-Kumitat ma ddeċidiex jekk it-tilqim tal-booster hux meħtieġ bil-għan li jestendi l-element ta’ protezzjoni fost numri akbar ta’ nies li għandhom possibbiltà akbar li jimirdu bil-Covid-19 u li fosthom hemm persuni  li normalment huma eliġibbli għat-tilqim kontra l-influwenza.

Fl-Istati Uniti, il-President Amerikan Joe Biden habbar miżuri ġodda marbuta mal-pandemija u li se jorbtu lill-kumpaniji kbar biex ilaqqmu lill-ħaddiema kollha. Kulmin ma jiehux it-tilqima se jkollu jagħmel swab test kull gimgha – bl-amministrazzjoni ta’ Biden qed tagħmilha obbligatorja li jitlaqqmu l-ħaddiema taċ-ċivil fost iż-żieda attwali fil-każi ta’ Covid-19.

L-isptarijiet Amerikani spiċċaw kwazi mimlijin bil-pazjenti u wara li l-pandemija kienet ħalliet 650,000 vittma matul is-sena li għaddiet.Skont l-aħħar kalkoli tal-Gvern Amerikan, fl-Istati Uniti għad hemm mat-80 miljun persuna mhumiex imlaqqmin.