Il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel proposta radikali biex jgħin l-industrija tal-manifattura, in-negozji żgħar u medji kif ukoll il-ħaddiema li jaħdmu f’pajjiżna – Proposti li se jwasslu biex l-ispejjez tal-kumpaniji u l-imprendituri jonqsu u l-pagi tal-ħaddiema jiżdiedu.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mid-Deputat Jason Azzopardi u l-Kandidati tal-PN Stanley Zammit u Noel Muscat, permezz tal-Cluster Ekonomija t’Għada, il-PN ħabbar li qed jipproponi li jitwaqqaf fond nazzjonali ta’ 40miljun Ewro biex ngħinu lill-industrija tal-manifattura u l-SMEs biex jgħelbu l-problema ta’ spejjeż żejda minħabba li aħna gżira mdawrin bil-baħar.
Din il-proposta kienet imfassla wara konsultazzjoni mal-istakeholders kollha hekk kif kien innutat li pajjiżna ma jistax jikkompeti ma pajjiżi oħrajn għaliex għandu ħafna spejjeż marbuta ma’ trasport, kif tixhed l-istatistika. Il-proposta tal-PN ta’ fond ta’ 40 miljun se tfisser żieda ta’ 10% fil-GDP.
Filfatt, kumpaniji fil-Belġju jħallsu 2% għal f’dak li għandu x’jsaqsam spejjeż ta’ importazzjoni u esportazzjoni. Dan ifisser li minn kull 100 Ewro spejjeż, fil-Belġju, 2 Ewro biss jintefqu għal trasport. Dan filwaqt li fl-Italja l-ispejjez marbuta ma’ dan huwa ta’ 6% u għalhekk kompetituri ta’ Malta, fl-Italja jħallsu 6 Ewro minn kull 100 ewro għal trasport. B’kuntrast qawwi għal dan, l-imprenditur Malti jħallas 20 Ewro minn kull 100 Ewro fuq importazzjoni u esportazzjoni għal n-negozzji f’Malta jonfqu 20% minħabba li ngħixu fi gżira.
Din is-sitwazzjoni kompliet tigrava minħabba l-Pandemija tla-COVID-19 hekk kif kontejner miċ-Ċina lejn Malta li kien jiswa lill-imprendituri 2,000 Ewro, issa qed jiswa 11,000 Ewro.
Statistika maħruġa mill-Bank Dinji li tħares lejn kemm hu faċli għal pajjiż li jimporta u jesporta turi li pajjiżna ħa daqqa drastika mill-2012 sal-lum. Filfatt, fl-2012 pajjiżna kien jikklassifika fit-43 post fid-dinja iżda issa niżel fid-69 post. Dan ifisser li l-kumpaniji f’pajjiżna jonfqu iktar minn kull pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea fuq importazzjoni u esportazzjoni.
Il-PN qed isejjaħ lilll-Gvern jagħmel talba lill-Kummissarju Ewropew sabiex Malta taghmel il-każ tagħha biex ikun hemm emendi għal regoli ta’ state aid biex ikun hemm eċċessjoni biex il-Malti jkun jista ta’ kull sena jibbenefika minn għajnuna biex ikun jista jikkompeti ma kull min huwa fil-madwar.
Il-proposti li ħabbar il-PN permezz tal-Cluster Ekonomija t’Għada:
- Jitwaqqaf fond nazzjonali ta’ 40 miljun biex jindirizza spejjeż marbuta mal-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ prodotti.
- Isir investiment neċessarju f’intermodal hub internazzjonali strateġiku u ħolistiku li jgħaqqad il-merkanzija trasportata b’modi differenti minn u lejn pajjiżna.
- Jiġi inċentivat investiment fi pjattaformi diġitali komuni u aċċessibbli permezz ta’ Application Programming Interfaces għall-persuni kollha kkonċernati.
- Tiżdied l-aċċessibiltà għal prodotti u għas-servizzi Għawdxin għal Maltin u viċi versa.
- Jissaħħaħ l-infrastruttura lokali sabiex prodotti mixtrija mill-konsumatur Malti b’mod diġitali jaslu għandu bl-aktar mod effettiv u faċli.