“Huwa obbligu tal-Partit Nazzjonalista li jħares is-saħħa tan-nies… u dan jista’ jsir permezz ta’ iktar spazju miftuħa fejn il-famijlia jkunu jistgħu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom”. Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fi żjara li għamel fil-lokalità tas-Sweieqi.
Mal-wasla tiegħu huwa ntlaqa’ mis-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat kif ukoll diversi kunsilleri u residenti tal-istess lokalità. Il-Kunsill Lokali qed jipproponi li parkeġġ partikolari f’din il-lokalità jinbidel fi spazju miftuħ minħabba li din il-lokalità għandha nuqqas ta’ spazji miftuħa.
Bernard Grech saħaq li minn mindu laħaq kap tal-Oppożizzjoni mal-ewwel poġġa s-settur ambjentali fuq nett tal-aġenda. Dan għaliex l-ambjent kemm dak rurali kif ukoll dak urban jagħtina ċ-ċans li jkollna kwalità ta’ ħajja aħjar kif ukoll jgħin għas-saħħa mentali.
Huwa qal li dak li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista għal dan is-settur se jwassal lejn it-triq ‘il quddiem li pajjiżna jrid jieħu. Bernard Grech sostna li din il-proposta li qed iressaq il-Kunsill Lokali tas-Swieqi hija eżempju ċar ta’ kif ikun hemm ambjent isbaħ u iktar spazji miftuħa fejn il-bniedem ikun jista’ jirrilassa. Gvern ġdid Nazzjonalista huwa kommess li jagħti lura spazji miftuħa mingħajr ebda detriment għall-attività kummerċjali.
Min-naħa tiegħu s-Sindku Noel Muscat qal li l-popolazzjoni ta’ din il-lokalita qiegħa dejjem tiżdied hekk kif tlaħħaq 16,000 persuna. Huwa qal li s-Swieqi m’għandu biżżejjed spazji pubbliċi u għalhekk ikun ideali li dan il-parkeġġ jinbidel fi spazju miftuħ sabiex jitgawda mir-residenti.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Robert Cutjar saħaq li għall-Partit Nazzjonalista, is-settur ambjentali huwa importanti ħafna. Pajjizna għandu Gvern li falla f’dan ir-rigward għax ma kellux rieda li jaħdem sabiex pajjiżna jkollu ambjent aħjar. Min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni qed jagħmel diversi proposti fosthom tree maping sabiex kull lokalita f’Malta u Għawdex ikollha l-ammont ta’ siġar li jixirqilha u li dawn is-siġar ikunu miżmuma b’mod tajjeb.
Robert Cutajar qal li l-Gvern Laburista naqas milli jieħu azzjoni konkreta għat-tibdil fil-klima, iżda min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista tella l-ambjent fl-ewwel post tal-politika tiegħu għax huwa dmir tagħna li nħallu ambjent aħjar għall-ġejjieni ta’ uliedna.
//= $special ?>