Iż-żagħżugħ ta’ erbgħa u għoxrin sena li lbieraħ spara fuq raġel fl-Iklin, inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Ryan Sultana kien akkużat li spara u fera b’mod gravi lil Vincent Xuereb ta’ 55 sena magħruf bħala l-Oranġjo fi Triq il-Wied fl-Iklin.
Quddiem il-Maġistrat Victor Axiak instema’ kif f’inċident li seħħ il-Ħamis għall-ħabta tat-3.30 ta’ waranofsinhar seħħet ħabta bejn żewġ karozzi fejn wara, l-akkużat niżel għall-vittma u spara tliet tiri fil-konfront tiegħu. Huwa mifhum li Sultana ħabat apposta fil-karozza ta’ Vincent Xuereb.
Iż-żagħżugħ ta’ erbgħa u għoxrin sena kien akkużat li darab lil Xuereb, uża arma tan-nar, attakkah u qabeż il-limitu ta’ provokazzjoni. Sultana li joqgod fil-viċinanzi ta’ fejn seħħ l-inċidnet kien arrestat ftit tal-minuti wara.
Il-prosekuzzjoni qalet kif Ryan Sultana stqarr li uża arma tan-nar tiegħu stess sabiex spara fuq Vincent Xuereb u li għamel dan biex jipproteġi lilu nnifsu. Rapporti li dehru fil-media qalu li Xuereb kien froda lil Sultana madwar 7,000 ewro.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat, iżda din it-talba ma ntlaqatx. Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li hemm storja twila bejn l-akkużat u l-vittma. Vincent Xuereb għadu qed jingħata kura fl-Isptar Mater Dei fejn il-kundizzjoni tiegħu jidher li hija waħda stabbli. Huwa qed isofri minn feriti fi spalltu, wiċċu u idejh.
//= $special ?>