Mil-lejla jingħata bidu għall-BOV Challenge League fejn għall-ewwel darba sa mill-istaġun 1954/55 se jkun hemm 22 tim li se jkunu maqsumha f’żewġ gruppi. Żewġ timijiet minn kull grupp se jkunu promossi għall-Kampjonat BOV Premier filwaqt li żewġ timijiet oħra minn kull grupp se jkunu relegati għall-BOV Amateur League.
Fi Grupp A, jidher li t-taqtiegħa se tkun bejn Żejtun Corinthains, Lija Athletic u Pembroke Athleta bit-tliet timijiet huma favoriti li jiksbu l-promozzjoni. Żejtun fl-istaġun li għadda lagħbu fil-Kampjonat Premier fejn kienu relegati minkejja li kellhom numru ta’ partiti pożittivi. Minbarra li kkonfermaw numru ta’ players Maltin, Żejtun wettqu wkoll xi akkwisti ġodd fosthom l-players David Xuereb u Clyde Borg li għandhom esperjenza fl-għola diviżjonijiet tal-futbol Malti.
L-avversarji ta’ Żejtun fl-ewwel partita se jkunu Lija Athletic li wkoll kienu relegati mill-Kampjonat Premier fi tmiem l-istaġun li għadda. Minkejja li neħħew lill-attakkant prolifiku Erjon Beu, Lija akkwistaw lil Lydon Micallef li fl-istaġun li għadda skorja 21 gowl f’20 partita ma’ Marsa.
Pembroke Athleta se jkunu wkoll fost il-favoriti li jkunu promossi għall-Kampjonat Premier wara li fallew milli jagħmlu dan fl-istaġun li għadda minħabba li waqaf il-kampjonat. Minkejja li neħħew lil Pedrinho u lil Abdul Abdeen li kienu fost l-aqwa elementi fl-iskwadra ta’ Pembroke, huma wettqu wkoll numru ta’ akkwisti, fosthom ta’ James Brincat u Jurgen Suda.
Marsaxlokk, Naxxar Lions u St. George’s jidher li se jkunu t-timijiet li jtemmu f’nofs il-klassifika filwaqt li se jkun hemm ġlieda tajba fin-naħa t’isfel tal-klassifika, bit-timijiet ta’ Mqabba, Vittoriosa Stars, Rabat Ajax, Melita u San Ġwann, jkunu kuntenti li jsalvaw posthom fiċ-Challenge League.
Fi Grupp B, Marsa se jkunu l-favoriti li jiksbu l-promozzjoni fejn taħt it-tmexxija tal-eks kowċ u rebbieħ tal-Kampjonat Premier ma’ Floriana Vincenzo Potenza, it-tim ta’ Marsa wettaq ukoll numru ta’ akkwisti b’esperjenza fil-Kampjonat Premier. Fost il-players li akkwistaw, Marsa hemm Amadou Samb, Ryan Fenech, Steve Bezzina u Siraj Arab.
It-timijiet ta’ Pietà Hotspurs u Tarxien Rainbows jidher li se jkunu ż-żewġ timijiet li se jiġġieldu għat-tieni post fejn iż-żewġ timijiet għandhom taħlita ta’ players b’esperjenza kif ukoll player żagħżagħ. Żebbuġ Rangers ukoll jistgħu jkunu kkunsidrati bħala tim li se jiġġieled għall-promozzjoni filwaqt li t-timijiet ta’ Swieqi United u Fgura United jistgħu jkunu sorpriża. Qrendi, Luqa, Mġarr, Senglea u St.Andrews se jkunu t-timijiet li se jiġġieldu biex isalvaw f’dan il-kampjonat.
Illum: Centenary Stadium: Żejtun C. v Lija A 5.00pm, Senglea A. v Tarxien R. 9.00pm Għada: Centenary Stadium: San Ġwann v St. George’s 5.00pm, Swieqi U. v Fgura U. 9.00pm Victor Tedesco Stadium: Naxxar L. v Mqabba 5.00pm, Żebbuġ R. v Pietà H. 9.00pm Il-Ħadd: Centenary Stadium: Vittoriosa S. v Pembroke A. 5.00pm, St. Andrews v Marsa 9.00pm Victor Tedesco Stadium: Melita v M’xlokk 5.00pm, Luqa v Qrendi 9.00pm
//= $special ?>