Il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel — li qed tispiċċa mill-kariga wara 31 sena fil-Bundestag (Parlament) u 16-il sena fil-Kanċillerija – ammettiet li ‘l-aktar mument diffiċli għaliha bħala Kanċillier’ kien meta talbet daqstant sagrifiċċji mingħand il-Greċja wara li l-pajjiż falla finanzjarjament u daħal għal sensiela ta’ bailouts fost il-piż enormi li waqa’ fuq spallejn il-poplu Grieg.
Intant, l-istampa fil-Greċja tat prominenza kbira lill-kumment mhux mistenni ta’ Merkel li qed issellem għall-aħħar darba lix-xena politika – u fost il- mistoqsijiet ‘għalfejn hi deċidiet li toħroġ l-istqarrija’.
Sadanittant, mhux bilfors li Merkel tkellmet dwar din l-issue delikata bħala forma ta’ awto-kritika. Dan meta l-wirt politiku li hi ħalliet warajha se jkun determinat mis-sitwazzjonijiet ta’ kriżi li kellha tikkonfronta fis-16-il sena tagħha bħala Kanċillier – f’dan il-każ il-kriżi finanzjarja internazzjnali tal-2008; il-kriżi tal-ewro, il-kriżi tar-refuġjati u l-pandemija attwali.
Intant, Merkel, issa, iddeċidiet li tirreferi għall-kriżi ta’ snin ilu fl-Ewropa u l-miżuri ta’ awsterità ħorox imposti fuq il-Greċja – u wara li hi, fil-passat, ukoll qalet li kien diffiċli ħafna għaliha li tinsisti bil-qtugħ fl-infiq u r-restrizzjonijiet għall-Griegi.
Il-kriżi tal-Greċja, fil-fatt, kienet xprunat mewġa ta’ kritika għal Merkel fost akkużi li hi ‘ikkundannat lill-Griegi għall-faqar’. Iżda oħrajn, mill-banda l-oħra, sostnew li ‘Merkel kellha tintroduċi jerġa’ aktar awsterità għall-Griegi biex tħares l-interessi tal-Ġermaniżi — u l-Ewropej — li jħallsu t-taxxa’.
U waqt li Merkel qed tħares lura lejn perjodu iswed għall-Unjoni Ewropea li kien karatterizzat bit-tbatija tal-Griegi, diversi osservaturi politiċi qalu li l-miżuri li ttieħdu kienu meħtieġa għall-futur taz-zona ewro u li ‘Angela Merkel xorta tinsab konvinta li l-miżuri, diffiċli kemm kienu diffiċli, kellhom jittieħdu bilfors, fid-dawl taċ-ċirkustanzi’.
//= $special ?>