Lokali

Raġel fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ minn gallarija

Raġel ta’ 59 sena residenti Raħal Ġdid, jinsab fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ minn gallarija.

L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija fi Triq Ġebel Ħanxul, f’Wied il-Għajn għall-ħabta tad-9:15 pm.

Ir-raġel ingħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-Isptar b’ambulanza u hemmhekk kien ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.

Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu.

Il-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.