Lokali

Repubblika ser temenda l-istatut tagħha biex taddotta l-missjoni li tiġġieled lill-mafja

Repubblika sejħet Laqgħa Ġenerali għall-membri tagħha għal-lejla biex tapprova emendi għall-istatut tagħha u b’hekk iżżid mal-lista tal-funzjonijiet tagħha l-missjoni ta’ organizzazzjoni anti-mafia.
 
Sa mit-twaqqif tagħha, Repubblika ħadmet sabiex tkabbar l-għarfien dwar l-infiltrazzjoni tal-mafja fl-ekonomija Maltija, kif ukoll fil-gvern u fl-istituzzjonijiet l-oħra tal-Istat Malti. Fiż-żmien ta’ wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, din kienet materja kontroversjali, peress li uffiċċjali pubbliċi u persuni fil-ħajja pubblika – li aktar tard f’ħafna każijiet instab li kienu huma stess implikati f’attivitajiet tal-mafja – ċaħdu l-eżistenza tal-mafja f’Malta.
 
Iżda, istituzzjoni tal-Istat – l-Inkjesta Daphne Caruana Galizia – issa irrikonoxxiet li l-mafja infiltrat l-Istat Malti u irrakonmandat li tiddaħħal leġsislazzjoni speċifika kontra l-mafja.
 
Il-liġijiet mhumiex biżżejjed biex tkun miġġielda l-mafja. Jeħtieġ li ċittadini onesti jimpenjaw ruħhom sabiex jiddefendu l-liberta’ u d-demokrazija u li jappoġġjaw u jiddefendu uffiċjali li jaħdmu minn ġewwa l-istituzzjonijiet fil-ġlieda kontra l-mafja.
 
Għalhekk, il-Kumitat Eżekuttiv ta’ Repubblika qiegħed jirrokkomanda lill-membri tal-organizazzjoni li jaddottaw numru ta’ funzjonijiet statutorji bl-intenzjoni li l-organizzazzjoni tassumi l-funzjoni li s-soċjeta’ ċivili għandha taqdi f’demokrazija sabiex tirrappreżenta ċittadini li jobdu l-liġi u sabiex tgħin lill-istituzzjonijiet li jiffunzjonaw sabiex jiġġieldu l-fenomenu tal-mafja.
 
L-emendi huma mibnija fuq il-mudell ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjeta’ ċivili anti-mafia barra minn Malta, partikolarmament l-organizzazzjoni Taljana Libera dalle mafie, li magħha Repubblika għanda rapporti mill-qrib.
 
Repubblika temmen li mhux aċċettabbli li anke wara li jkunu mixlija li wettqu reati mafjużi, mafjużi jibqgħu jgawdu mill-istrutturi tan-negozju tagħhom u li ċittadini onesti jibqgħu jissussidjaw il-profitti li dawn ikunu kisbu illeċitament, billi jħallsu l-prezz ta’ diżugwaljanza soċjali u l-qerda tal-ambjent.
 
Fl-impenn tagħha li taqdi l-funzjoni ġdida tagħha, Repubblika ser tkun qed tikkampanja sabiex tiddaħħal leġislazzjoni li permezz tagħha jkunu sekwestrati bini, artijiet u assi oħra li jappartjenu lill-mafjużi u biex dawn ikunu trasferiti lill-komunita’ bħala forma ta’ kumpens lilha.
 
Mhumiex biss in-nies li jiġu misruqa, li jiġu frodati, li jkunu vittmi ta’ estorsjoni jew li jkunu maqtula li huma vittmi tal-mafja. L-istituzzjonalizzar tal-korruzzjoni tirrendi vittma liċ-ċittadini onesti kollha, li għalhekk għandhom jiġu ikkumpensati mill-mafjużi li jitressqu quddiem il-ġustizzja biex ipattu għar-reati tagħhom.
 
Ir-riżoluzzjoni proposta mill-Kumitat Eżekuttiv ta’ Repubblika sabiex temenda l-istatut tagħha b’tali mod li issir organizzazzjoni anti-mafia kif ukoll b’bidliet oħra fl-istatut tagħha tinsab hawn annessa.