Lokali

Cutajar tinjora lill-Kunsill tal-Ewropa – l-aħħar ċans

Investigata fuq kunflitt ta' interess

L-aħħar ċans għall-Membru Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar sabiex tidher quddiem l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

Din hija t-tieni darba li qed tingħata din l-opportunità madanakollu l-ewwel darba Cutajar dehrilha li ma tattendix.

Dan hekk kif f’April Pieter Omtzigt, l-eks rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, kien kiteb liċ-Chairperson tal-Kumitat dwar ir-regoli tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa….sabiex jinvestiga lid-Deputat Laburista.

Ftit tal-jiem qabel Rosianne Cutajar kienet irreżenjat temporanjament minn Segretaru Parlamentari wara allegazzjonijiet insistenti li qatt ma ċaħdet fejn ħadet xi flus ta’ senserija mingħand Yorgen Fenech, in-negozjant li jinsab akkużat bil-kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Ta’ min wieħed jinnota li Pieter Omtzigt saħaq li lura f’Ġunju tal-2019 Cutajar kellha tinforma li setgħa kellha kunflitt ta’ interess qabel ma tkellment fl-Assemblea kontra r-rapport tiegħu. Dan filwaqt li ssuġġerixxa li Rosianne tippreżenta d-dikjarazzjoni tal-interessi tagħha għat-tlett snin passati.

Fit-8 ta’ Settembru l-Kumitat tal-Assemblea nnota li Cutajar naqset milli tiwġeb għall-Istedina…biex issa ġiet mistiedna tidher quddiem il-Kumitat fi Strasburgu bejn is-27 u t-30 ta’ Settembru.