Lokali

Fgura United b’Maratona ta’ 50 siegħa futbol b’risq Puttinu Cares

Futbol għal kawża ġusta. Dan hekk kif fl-ewwel tmiem il-ġimgħa tax-xahar id-dieħel, mis-7pm tal-Ġimgħa l-1 ta’ Ottubru sad-9pm tat-3 ta’ Ottubru se tkun qed tiġi organizzata fil-Fgura Maratona ta’ 50 siegħa futbol bla waqfien, lejl u nhar, b’risq Puttinu Cares.

Dan ħabbru l-klabb ta’ Fgura United FC fejn ġie spjegat li l-logħob se jkun qiegħed iseħħ fi ħdan il-kwartieri tal-klabb stess fi Triq Valperga.

Din se tkun it-tielet edizzjoni ta’ din ix-xorta organizzata mill-klabb ta’ Fgura United bl-aħħar waħda tkun organizzata lura fl-2018 fejn inġabru xejn inqas minn €9,100.

Ħbieb, familji, kollegi tax-xogħol, studenti flimkien mal-pubbliku ġenerali huma mistednin niex jieħdu sehem billi jibbukkjaw pitch flimkien ma’ 10 minn sħabhom għal 5-a-side fuq 79933010. Fl-aħħar tal-partita kulħadd ikun jista’ jagħti donazzjoni li jixtieq.

Dan filwaqt li saħansitra kumpaniji jistgħu wkoll iwettqu pledge u jippreżentawha lil Puttinu Cares dakinhar.

Ta’ min wieħed jinnota wkoll li dan qiegħed isir bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 anniversarju mit-twaqqif tal-klabb ta’ Fgura United.