Futbol Sport

Fit-tielet ġurnata tispikka d-derby bejn Floriana u Valletta

(Ritratt: Cathriel Farrugia)

Fit-tielet ġurnata mill-Kampjonat BOV Premier jispikkaw l-erba’ derbies, fosthom id-derby bejn Floriana u Valletta. Valletta jinsabu għaddejin minn forma tajba hekk kif rebħu ż-żewġ partiti inawgurali tagħhom u jinsabu fl-ewwel post tal-klassiifika flimkien ma’ Birkirkara u Hibernians b’sitt punti. Min-naħa l-oħra Floriana għadu mingħajr rebħa, biż-żewġ partiti preċedenti jintemmu fi draw. Kemm Valletta kif ukoll Floriana għamlu diversi akkwisti fosthom Mattia Veselji u Manuel Bartolo, fl-aħħar jiem tas-suq tat-trasferimenti. L-aħħar għaxar partiti bejn iż-żewġ timijiet huma bilanċjati hekk kif iż-żewġ naħat rebħu tliet partiti kull wieħed,b’erba’ kontronti jintemmu fi draw.

Derby oħra li tispikka hi dika bejn Gżira u Sliema, biż-żewġ timijiet jitilfu partita u jiġu draw oħra fl-ewwel żewġ partiti tal-kampjonat. Biż-żewġ itmijiet li se jkunu qed ifittxu l-ewwel rebħa tagħhom, Gżira se jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-akkwist Yuri Messias, li mhuwiex wiċċ ġdid għall-futbol Malti. Dan se jkun id-39 konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet, bl-aħħar għaxar partiti jkunu facur Sliema, b’ħames rebħiet, żewġ draw u tliet rebħiet għall-Gżira.

F’partita oħra, din id-darba derby fiċ-ċentru ta’ Malta, Balzan se jaffrontaw lil-leaders Birkrikara. L-istripes fetħu l-Kampjonat b’żewġ rebħiet li jagħmluhom mill-favoriti għar-rebħ tal-Kampjonat dan l-istaġun. Min-naħa l-oħra Balzan se jkunu qed iħarsu li jirritornaw għar-rebħ wara t-telfa kontra Valletta bl-iskor ta’ 1-0 fl-aħħar ħarġa tagħhom, qabel il-waqfa internazzjonali. Birkirkara se jkunu mingħajr id-difensur Enrico Pepe li weġġa’ fil-partita tat-tim nazzjonali Malti kontra s-Slovenja.

F’derby oħra Gudja u Santa Lucia se jkunu qed iħarsu li jiksbu l-ewwel rebħiet tagħhomf’dan l-istaġun, b’Gudja jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika. Statistikament, Gudja qatt ma rebħu lil Santa Lucia fil-Kampjonat Premier, li jista’ jkun inċentiv ieħor sabiex joħorġu jfittxu t-tliet punti.

KAMPJONAT BOV PREMIER

Illum Tony Bezzina Stadium Mosta v Ħamrun 5.00pm, Gżira v Sliema 9.00pm, Stadium Nazzjonali Floriana v Valletta 7.00pm Il-Ħadd Stadium Nazzjonali Sirens v Hibernians 5.00pm, Gudja v Santa Lucia 9.00pm Tony Bezzina Stadium Balzan v Birkirkara 7.00pm