Lokali

Mill-ġimgħa d-dieħla mistenni jogħla l-prezz tal-ħobż

Il-furnara jinsabu mħassba mmens għal dak li jista’ jwassal biex uħud minnhom saħansitra jkollhom iżarmaw il-forn tagħhom darba għal dejjem – dan hekk kif reġa’ għola l-prezz tad-dqiq, bir-riżultat se jerġa’ jogħla l-ħobż.

Diversi furnara f’għadd ta’ rħula Maltin huma inkwetati li din iż-żieda fl-ispejjeż tagħhom se tkun id-daqqa letali għal uħud mill-ftit fran tradizzjonali li għad fadal f’pajjiżna.

Il-furnara qed jgħidu li dawn l-aħħar żviluppi jistgħu iwassalu biex ma jibqax iktar viabbli għalihom li jipproduċu l-ħobża Maltija kif nafuha.

Fl-aħħar snin kienu għexieren il-fran tradizzjonali li għalqu l-bibien tagħhom. Uħud minnhom kienu ilhom miftuħa mal-mitt sena jew aktar.

L-aħħar li għola d-dqiq tliet snin ilu, xi furnara kienu għażlu li ma jgħollux il-ħobża tagħhom u minflok assorbew huma din l-ispiża, . iżda issa żgur li ma jifilħux jerġgħu jagħmlu dan.

XI TRID TAGĦMEL? MA TGĦOLLIHX U TOĦROĠHOM MINN BUTEK? U KULL ĠIMGĦA JIĠIK L-AĠENT TAD-DQIQ U TRID TOĦROĠHOM MINN BUTEK U MA TKUN DAĦĦALT XEJN?”

Din l-aħħar żieda fil-prezz tal-aktar ingredjent bażiku tal-ħobża hija sostanzjali, meta mqabbla mal-aħħar żidiet.

Il-ħobża Maltija hija parti integrali mill-ikla ta’ ħafna familji, u din hi t-tieni żieda fil-prezz tagħha fl-aħħar tliet snin.

Il-prezz tal-ħobża Maltija mistenni jiżdied minn nhar it-Tnejn.

Din se tfisser daqqa oħra fuq il-bwiet ta’ ħafna,l-aktar ta’ dawk l-aktar vulnerabbli u fil-faxex bl-aktar dħul baxx.. Iżda l-Ministri tal-Gvern jibqgħu jinsistu li kollox jinsab taħt kontroll.