Futbol Sport

Rebħa komda għal-Lions kontra għaxar plejers

Chris Cassar

Naxxar L. ………………… 5
Mqabba……………………. 0

Naxxar : O. Borg, A. Azzopardi, G. Martins Leite, M. Mifsud, J. Debono, R. Cassar, S. Saldanha, J. Ellul, D. Fenech, S. Meilak, D. Kassekar.

Mqabba: C. Abdilla, A. Cilia Mumford, O. Khatib, N. Falzon, G. Mannino, L. Agius, R. Spiteri, T. Veronese, J. Busuttil, I. Caruana, R. Melo Costa.

Referee: Fyodor Zammit

Naxxar kellhom bidu ferm tajjeb għall-kampjonat meta bl-iktar mod faċli għelbu lil Mqabba 5-0. Il-Lions kienu għal kollox superjuri fejn kienu diġa’ bnew vantaġġ ta’ tliet gowls sal-ewwel għoxrin minuta, meta ż-żewġ timijiet kienu bi ħdax-il plejer. Dan għaliex fl-24 minuta Mqabba spiċċaw b’għaxar plejers u bi plejer inqas u b’distakk ta’ tliet gowls, tista’ tgħid li l-logħba ntemmet hawn. Naxxar marru fil-vantaġġ fl-ewwel azzjoni wara seba’ minuti meta minn azzjoni ta’ korner Steve Meilak għola fuq l-ewwel lasta u bir-ras għeleb lil Abdilla. Erba’ minuti wara freekick ta’ Debono iżda din id-darba Abdilla salva tajjeb.

Fis-16-il minuta kontrattakk veloċi ta’ Martine Leite li qassam lejn Saldanha li kompletament waħdu kien imċaħħad minn Abdilla iżda mir-rebound Martine Leite skorja b’lob preċiż. Żewġ minuti wara minn azzjoni ta’ freekick, in-nasba tal-offside ta’ Mqabba ma ħadmitx u Martins Leite minn żewġ passi bogħod ma żbaljax. Fl-24 minuta l-affarijiet marru mill-ħażin għall-agħar għal Mqabba meta Jeremy Busuttil ntwera t-tieni karta safra. Erba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Naxxar skorjaw ir-raba’ gowl b’azzjoni ta’ kontrattakk ta’ Saldanha li qabeż anki lill-goalkeeper qabel xeħet fix-xibka, u fis-57 minuta l-istess plejer b’azzjoni simili waħdu quddiem Abdilla spara fix-xibka.

San Gwann jiksbu l-ewwel rebħa wara wirja konvinċenti

San Ġwann ………………..4
St George’s ……………… 0

San Ġwann: C. Formosa, A. Xuereb, K. Bartolo, JP Attard, L. Mallia, S. Loshi, N. Radojevic, B. Kuyper Sjaak, A. Zammit, J. Omoruanzoje, G. Pace

St. George’s: K. Magri, J. Briffa, C. Brincat, I. Abela, R. Cutajar, R. Sammut, J. Spiteri, R. De Fex, D. Sammut, L. Uchechi Chiedozie, Z. Bowman

Referee: Ezekiel Barbara

San Ġwann fetħu l-impenji tagħhom dan l-istaġun b’rebħa faċli fuq St George’s. San Ġwann fetħu l-iskor wara 34 minuta logħob, b’azzjoni maħduma tajjeb minn Andrea Zammit, li għadda fin-nofs lejn Kuyper, li għeleb lil gowlkiper Formosa b’xutt fil-baxx. Sitt minuti wara, l-istess duo kien viċin li jirdoppja l-vantaġġ għal San Ġwann b’azzjoni maħduma b’mod simili ħafna, iżda din id-darba l-gowlkiper interċetta tajjeb il-kross ta’ Zammit. It-tieni gowl għal San Ġwann wasal fil-55 minuta, meta reġa’ kien Andrea Zammit li għadda lejn Skender Loshi, b’dan tal-aħħar jaqbeż zewġ difensuri, idur anke mal-gowlkiper, u jikkonkludi f’lasti vojta.

Erba’ minuti wara San Ġwann għamluhom tlieta, meta għal darb’oħra Zammit kellu ġirja tajba fin-nofs tal-grawnd, qabeż zewġ difensuri u qassam ċentrali lejn Skender Loshi, li dar tajjeb qalb id-difiża ta’ Bormla u sab ir-rokna tax-xibka b’xutt fil-baxx. St.Geroge’s spiċċaw bi plejer inqas meta fl-74 minuta Jesmar Briffa għamel penalty, Andrea Zammit mill-ħdax-il metru ma falliex .

Jiddeċiedi penalty ta’ Morita

Żebbuġ R. ……………………. 0

Pieta H. ……………………….. 1

Żebbuġ R: J. Azzopardi, S. Bugeja, T. Bartolo, Y. Tonna, A. Mizzi, M. Perez, J. Silveira Da Silva, S. Diacono, R. Vella, S. Moliskovic, G. Gesualdi.

Pieta H: R. Cini, S. Okoh, J. Ghio, T. Iida, H. Konno, N. Pisani, D. Grima, Y. Morita, Z. Leonardi, J. Scicluna, L. Galea.

Referee: Andrea Sciriha

Penalty skorjat mill-Ġappuniż Morita ftit qabel intemmet l-ewwel taqsima kien biżżejjd biex Pieta jiksbu l-ewwel rebħa tagħhom f’konfront mill-iktar interessanti, fejn Żebbuġ minkejja li lagħbu għal taqsima sħiħa bi plejer inqas, qatt ma ċedew u l-prestazzjoni tagħhom kienet bla dubju waħda inkoraġġanti.

L-ewwel taqsima kienet ferm bilanċjata biż-żewġ naħat ikollhom il-mumenti tajbin tagħhom, fejn fil-bidu tal-logħba kienu iktar Żebbuġ li kellhom l-inizzjattiva iżda fl-aħħar parti tat-taqsima kienu Pieta l-iktar perikolużi. Wara nofs siegħa logħob minn azzjoni ta’ korner Pieta resqu qrib b’daqqa ta’ ras ta’ Morita taħbat mal-wieqfa. Fit-43 minuta James Scicluna daħal tajjeb fil-kaxxa fejn kien miġbud mill-komma minn Shaun Bugeja, bir-referee jordna l-penalty li minn l-Ġappuniż Yuto Morita ma żbaljax.

Żewġ minuti wara azzjoni oħra ta’ James scicluna li twaqqaf metru barra l-kaxxa mill-goalkeeper Jamie Azzopardi bir-referee juri karta ħamra diretta lill-goalkeeper Żebbuġi. Fil-bidu tat-tieni taqsima, minkejja li bi plejer inqas kienu Żebbuġ li bdew iktar aggressivi jfittxu l-gowl tad-dro iżda kienu Pieta li għal ftit ma rduppjawx b’azzjoni ta’ James Scicluna. Il-logħba baqgħet ferm missielta u xutt bid-dawra tas-sostitut Lapira mar ftit għoli. Fit-92 minuta anki Pieta spiċċaw b’għaxar plejers meta Lee Galea kien muri t-tieni karta safra.

Rebħa minima għal Swieqi

Swieqi                 1

Fgura                   0

Swieqi: JC Debattista, J. Magri Overend, N. Borg, K. Sultana, I. Micallef, J. Willy, JA Castano, AD Schembri Wismayer, F. Temile, J. Azzopardi, D. Fava

Fgura: J. Azzopardi, L. Pisani, J. Barbara, D. Caruana, RC Prudente, JC Silva Ewertton, M. Brincat, J. Stenson, K. Gandini, J. Cassar, S. Borg

Referee: Alex Johnson

Swieqi kisbu l-ewwel tlett punti tal-istaġun meta għelbu lil Fgura bl-iskor minimum ta’ 1-0, f’partita li ftit li xejn offriet emozzjonijiet. L-ewwel taqsima kienet pjuttost bilanċjata, u ż-żewġ timijiet marru viċin li jiskurjaw. Kienu Fgura l-ewwel li marru viċin wara 13-il minuta logħob, meta Prudente rċieva mingħand Silva Ewertton wara ġirja tajba, iżda t-tentattiv tal-Brażiljan għaddiet tħakkek mal-lasti. Ir-risposta ta’ Swieqi kienet waħda immedjata, u tlett minuti wara, ix-xutt mill-bandiera tal-korner ta’ Schembri Wismayer li deher destinat għax-xibka ġie mdawwar f’korner minn Azzopardi. L-aħjar ċans għal Swieqi wasal ftit qabel in-nofs siegħa logħob meta xutt b’saħħtu minn tarf il-kaxxa ta’ Castano ġie mdawwar f’korner mill-gowlkiper Azzopardi.

Swieqi rnexxilhom jiftħu l-iskor fis-68 minuta, meta r-referee saffar għal fawl ta’ Jeremy Cassar fuq Castano f’tarf il-kaxxa. L-istess Castano deher se jinkariga ruħu mill-istess freekick, iżda finalment kien il-captain Alan David Schembri Wismayer li ttanta xortieh u għeleb lil Azzopardi b’xutt b’saħħtu. Fit-80 minuta, Swieqi setgħu jirduppjaw il-vantaġġ tagħhom, iżda minn pożizzjoni ideali ġewwa l-kaxxa l-kbira, x-xutt ta’ Joseph Willy għadda ferm għoli.

Fgura kellhom l-aħħar tentattiv li jiksbu l-gowl tad-draw seba’ minuti mit-tmiem, meta d-daqqa ta’ ras ta’ Kenny Gandini fuq freekick tal-veteran sostitut Martin Gilbert ġiet salvata tajjeb minn fuq il-linja mill-gowlkiper Debattista.