Futbol Sport

Stennija għar-ritorn ta’ Cristiano Ronaldo f’Old Trafford

(Ritratt: Cristiano Ronaldo)

Hekk kif illum jirritorna l-Premier League wara l-waqfa internazzjonali, hemm stennija kbira fost il-partitarji ta’ Man Utd għar-ritorn ta’ Cristiano Ronaldo fil-partita kontra Newcastle. Man Utd, li rebħu tnejn mit-tliet partiti dan l-istaġun se jkun qed iħarsu li jiksbu t-tliet punti fl-ewwel partita ta’ Ronaldo mal-club, wara aktar minn tnax-il sena ‘l bogħod minn Old Trafford. Min-naħa l-oħra Newcastle se jkunu qed ifittxu li jiksbu l-ewwel rebħa tal-istaġun, wara d-draw li kisbu kontra Southampton fl-aħħar ħarġa tagħhom.

Fil-partita l-aktar li tispikka Leicester se jospitaw lil Man City, biż-żewġ timijiet jinsabu b’sitt punti wara żewġ rebħiet u telfa. Scott Carson, it-tielet gowl ta’ Man City, mistenni jilgħab t-tieni partita tiegħu ma’ City, hekk kif Ederson mistenni ma jitħalliex jilgħab minħabba s-sospensjoni tal-plejers Sud Amerikani, filwaqt li t-tieni goalkeeper Zach Steffen għadu pożittiv għal Covid. Leicester għadhom ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 kontra Norwich, wara li sofrew telfa umiljanti ta’ 4-1 kontra West Ham.

It-tim l-aktar impressjona fl-ewwel logħbiet, Tottenham, se jiltaqgħu kontra Crystal Palace f’wieħed mid-derbies ta’ Londra. Tottenham rebħu l-ewwel tliet partiti, bi skor identiċi ta’ 1-0, fejn għadhom ma sofrew l-ebda gowl taħt il-kowċ Nuno Espirito Santo. Patrick Vieira, il-kowċ ta’ Crystal Palace, se jkun qed ifittex l-ewwel rebħa tiegħu mat-tim il-ġdid. Madanakollu, Vieira huwa ottimist li t-tim jikseb il-punti wara d-draw ta’ 2-2 kontra West Ham.

It-tim immexxi minn Jurgen Klopp, Liverpool se jmorru għand Leeds ta’ Marcelo Bielsa, f’partita li mistenija toffri futbol spettakolari miż-żewġ naħat. Liverpool se jkunu qed ifittxu li jirritornaw għar-rebħ wara d-draw diżappuntanti ta’ 1-1 kontra Chelsea f’darhom. Min-naħa l-oħra Leeds għadhom mingħajr rebħa dan l-istaġun, fejn se jkunu qed jiddependu fuq l-akkwist il-ġdid Daniel James u l-attakkant li ddebutta mal-Ingilterra Patrick Bamford, biex jipprovdu l-gowls neċċessarji kontra Liverpool.

PREMIER LEAGUE

Illum C’Palace v Tottenham 1.30pm, Watford v Wolves 4.00pm, Brentford v Brighton 4.00pm, Arsenal v Norwich 4.00pm, Man Utd v Newcastle 4.00pm, S’Hampton v West Ham 4.00pm, Leicester v Man City 4.00pm, Chelsea v Aston Villa 6.30pm Għada, Leeds v Liverpool 5.30pm
It-Tnejn Everton v Burnley 9.00pm