Internazzjonali

Il-Gvern ġdid tal-Libanu ifittex triq ‘il barra mill-kriżi

Il-Gvern ġdid tal-Libanu – li tħabbar fi tmiem il-ġimgħa – se jagħmel minn kollox biex iwitti t-triq għal taħditiet mal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) bil-għan li jikseb pakkett li joħroġ lill-pajjiż mill-kriżi finanzjarja attwali.

Intant, il-Gvern Lebaniż, li għandu jinkludi diversi teknokratiċi, qed jieħu postu f’Bejrut aktar minn sena wara t-tluq tal-Gvern preċedenti; b’Najib Mikati – li hu l-akbar sinjur fil-Libanu – qed jerġa’ jassumi l-kariga ta’ Prim Ministru.

L-aħħar żviluppi – fosthom il-ħatra tal-Kabinett ġdid – temmew xhur ta’ paraliżi politika fil-Libanu u meta l-pajjiż jinsab għaddej mill-aktar perjodu inċert għal ħafna snin.

Dan meta kkrolla l-valur tal-kambju lokali, bil-qgħad u l-inflazzjoni fil-pajjiż jisparaw għal livelli allarmanti. Il-provvista tal-elettruiku, il-fuel u l-mediċini saru skarsi ħafna fil-Libanu u meta fl-aħħar sentejn spikkaw il-protesti għal riformi politiċi kbar ‘biex isalvaw lill-pajjiż’.

Il-Libanu ilu mingħajr Gvern ‘validu’ mindu  Hassan Diab irriżenja minn Prim Ministru, jiem biss wara l-isplużjoni ‘storika’ tal-4 ta’ Awwissu tal-2020 li kienet qerdet il-port ta’ Bejrut flimkien mal-madwar.

L-isplużjoni kienet ikkaġunata minn ħażna kbira ta’ ammonium nitrate li tħalla abbandunat f’maħżen u kienet qatlet ‘il fuq minn 200 minbarra li ħalliet aktar minn 6,000 midruba. Fl-istess ħin, l-isplużjoni kkaġunat ħsarat ekwivalenti għal biljuni ta’ ewro.

It-traġedja, li seħħet fost l-eqqel tal-pandemija, qanqlet mewġa ta’ għadab kontra l-Gvern ta’ dak iż-żmien u kontra s-sistema politika fil-pajjiż. U fost ir-rabja popolari spikkaw akkużi dwar ‘il-korruzzjoni, l-inkompetenza u s-sistema lokalizzata ta’ patrunaġġ politiku’.

Is-sitwazzjoni xprunat ukoll is-sens ta’ rabja li kien ilu jżid fost il-Lebaniżi minn tmiem il-kriżi finanzjarja tal-aħħar xhur tal-2019, Fil-fatt, fl-aħħar ftit xhur biss, il-kambju tal-Libanu tilef mad-90 fil-mija tal-valur, bi tliet kwarti tal-popolazzjoni, bħalissa, qegħdin jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ faqar.